Il-bżulija tal-bdiewa Maltin, flimkien mat-temp ideali wassal lill-Olandiż Kees Schouten biex 13-il sena ilu jagħżel lil pajjiżna biex jimporta direttament il-patata Maltija.
Fl-għelieqi kkurati mill-bidwi Angelo Buhagiar f’Ħaż-Żabbar, u akkumpanjat mill-esportatur Raffaele Scerri, stajna naraw l-impenn meħtieġ biex il-patata Maltija tkun tista’ tiġi esportata lejn pajjiżi bħall-Olanda u l-Belġju, fost l-oħrajn.
Kees Schouten spjega li għalkemm f’pajjiżu wieħed jista’ jixtri l-patata lokali, ħafna mill-Olandiżi jfittxu u jippreferu l-patata Maltija. Hu spjega li f’pajjiżu, il-kumpanija tiegħu Altena Potatoes hi speċifikament magħrufa għall-fatt li timporta l-patata Maltija u t-tjubija tagħha.
In-negozjant Olandiż spjega li ta’ ta’ kull sena, hu jtella’ madwar 60 kontejner ta’ patata Maltija, fit-tliet xhur ta’ bejn April u Ġunju. Hu qal li taħlita tajba bejn ix-xemx u x-xita tagħmel id-differenza kollha, fost l-oħrajn bl-ammont adattat ta’ xita li għamlet fl-aħħar ġimgħat, għax ftit xita tfisser patata iżgħar.
Ritratti: Martin Agius
//= $special ?>