Lokali

Il-PN jrid li Malta jkollha l-aqwa relazzjoni maċ-Ċina

Hemm bosta oqsma fejn Malta u ċ-Ċina jistgħu jsaħħu l-koperazzjoni ma' xulxin

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li jrid li Malta jkollha l-aqwa relazzjoni possibbli maċ-Ċina għaliex għalkemm Malta u ċ-Ċina huma pajjiżi differenti fil-kobor u fil-pożizzjoni ġeografika tagħhom, hemm ħafna setturi li jgħaqqdu liż-żewġ popli. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal dan meta laqa’ delegazzjoni tal-Partit Komunista Ċiniż (CPC) immexxija minn Hao Ping.

Adrian Delia qal li hemm bosta opportunitajiet ta’ koperazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina u kif l-ikbar riżors għaż-żewġ pajjiżi huma n-nies. Huwa enfasizza kif il-Partit Nazzjonalista jħares lejn iċ-Ċina bħala pajjiż ġgant ekonomiku fid-dinja, b’soċjetà moderna. Dr Delia wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma li ċ-Ċina qed tagħti f’kontribut determinanti u tkun xprun għall-paċi u l-istabbilità globali.

Is-Sur Hao Ping irringrazzja lil Adrian Delia għall-akkoljenza li ngħatat id-delegazzjoni Ċiniża, filwaqt li fakkar kif għaddew snin twal minn meta ġew stabbiliti r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ partiti. Huwa qabel ma’ Dr Delia li Malta u ċ-Ċina għandhom ħafna similaritajiet u li hemm bosta setturi fejn iż-żewġ pajjiżi jistgħu jikkoperaw aktar.

Id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista kienet magħmula mill-Kap tal-Partit Adrian Delia, il-Viċi Kapijiet Robert Arrigo u David Agius, il-Kelliem għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonniċi, s-Segretarju Internazzjonali Roselyn Borg Knight, il-President tal-Kunsill Amministrattiv David Stellini u l-President tal-Kumitat Eżekuttiv Mark Anthony Sammut.

Filwaqt li d-delegazzjoni tal-Partit Komunista Ċiniż kienet magħmula mis-Segretarju tal-CPC tal-Università ta’ Peking Hao Ping, id-Direttur Ġenerali tal-Bureau tal-Affarijiet Ewropew tal-Punent fl-IDCPC Zhao Fei, id-Direttur tad-Dipartiment tal-Koperazzjoni Internazzjonali tal-Università ta’ Peking Xia Hongwei, il-First Secretary Jin Dalong, it-Third Secretary Li Xiaoxiao u t-Third Secretary Shi Meiqi. Preżenti wkoll ir-rappreżentanti għall-Ambaxxata Ċiniża f’Malta, Zhang Yiqi u Minchuan Dong.