B’vot unanimu, l-parlament llejla approva bidliet fil-kostituzzjoni ta’ Malta biex żgħażagħ ta’ 16-il sena jkunu jistguħ jivvutaw fl-elezzjonijiet ġenerali. Wara l-Awstrija, Malta issa saret it-tieni pajjiż fl-Ewropa fejn iż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jistgħu jivvutaw.
Il-vot tal-lejla, li kien jeħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi tad-deputati, kien wieħed ta’ 64 vot favur u ebda vot kontra. Minkejja li se jkunu jistgħu jivvutaw, iż-żgħażagħ ta’ 16-il sena mhux se jkunu jistgħu jikkontestaw għall-elezzjonijiet ġenerali. Fil-każ tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, il-vot ta’ 16-il sena kien diġà ngħata. L-ewwel appuntament elettorali għaż-żgħażagħ ta’ 16-il sena issa se jkun l-elezzjonijiet tal-palament Ewropej li se jsiru s-sena d-dieħla.
Sadattant mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex il-gvern ireġġa’ lura l-art li ta lill-konsorzju Sadeen fiż-Żonqor ma kinitx approvata bil-Gvern jivvota kontra b’35 vot u l-Oppożizzjoni tivvota favur b’29 vot.