Raymond Grima ta’ 61 sena mill-Iklin miet wara ftit aktar minn tliet xhur jikkumbatti mal-mewt fl-isptar Mater Dei. Grima kien qala’ erba’ tiri minn persuna li kienet waqfet b’mutur quddiem il-garaxx tiegħu f’Ħ’Attard, u fil-jiem li għaddew kien ġie rrappurtat li saħħtu kienet sejra lura.
Il-każ seħħ fit-18 ta’ Novembru li għadda, u meta raġel twil u rqiq, waqaf quddiem il-garaxx, daħal bi crash helmet u beda jispara tiri b’revolver kemm fuq sid il-garaxx, jiġifieri Raymond Grima, kif ukoll fuq Lino Mangion, persuna oħra li inzertat kienet fil-garaxx. Lino Mangion kien miet dakinhar stess, u hu maħsub li ntlaqat ‘bi żball’.
Għal dawn l-aħħar tliet xhur, il-kamra fl-isptar Mater Dei fejn kien qed jiġi rikoverat Raymond Grima kienet qed tiġi mgħassa mill-Pulizija 24 siegħa kuljum. Rapporti fil-media lokali qed jgħidu li tul dawn it-tliet xhur, Grima ma lissen l-ebda kelma dwar il-motiv tal-aggressur.
Madanakollu, sorsi li kienu tkellmu ma’ NET News kienu indikaw li qabel kien ittieħed l-isptar Mater Dei, Grima kien għadu konxju, u fil-ftit sekondi qabel iddaħħal għall-operazzjoni, kien irrakkonta lill-Pulizija dwar dak li kienu għadu kif seħħ – jiġifieri li raġel twil u irqieq kien waqaf b’mutur quddiem il-garaxx, u daħal jispara. Hu maħsub li b’kollox kienu ġew sparati mal-10 tiri.
Fil-ġranet ta’ wara l-isparaturi, kienet ħarġet informazzjoni li l-Pulizija kienu qed ikellmu ‘suspettat ewlieni’. Madanakollu, sal-lum, baqa’ ma reġa’ nstema’ xejn dwar fiex waslu l-investigazzjonijiet. B’hekk, l-omiċidju ta’ Lino Mangion u issa ta’ Raymond Grima, jiżdied mal-lista ta’ omiċidji fl-aħħar snin li baqgħu mhux solvuti.
//= $special ?>Jaqleb għall-agħar it-tapizzar li f’Novembru ntlaqat tiri f’Ħ’Attard