Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER: Draw li jiftaħ il-kampjonat beraħ

(Ritratt - Martin Agius)

Keane Cutajar

Balzan……………………………………0
Gżira U………………………………….0

F’partita li ma naqsitx minn dak mixtieq mill-publiku li attenda lbieraħ filagħxija fil-grawnd taċ-Ċentinarju, assistejna għal futbol veloċi u sabiħ miż-żewġ naħat fejn xi daħliet goffi l’hemm u l’hawn ma naqsux.

Logħob bilanċjat fl-isfont taż-żewġ baned rispettivi għen biex il-partita laħqet l-aspettattivi tagħha, bir-riżultat finali jiffavorixxi l-ikar lit-tim ta’ Valletta li issa jinsabu punt bogħod mit-tim ta’ Marko Micovic.

Minkejja li mhux riżultat negattiv għal kollox għal Balzan, jista’ forsi jaffetwhom fil-partita tat-tmiem il-ġimgħa d-dieħla kontra Birkirkara hekk kif minħabba karta safra f’din il-partita, l-prolifiku Kaljevic ser ikun sospiż għal kontra l-istripes.

Appena għaddew sitt minuti, Balzan resqu viċin meta Alfred Effiong waqqa’ bir-ras lejn Bojan Kaljevic li b’dahru lejn il-lasta prova r-rovexxata iżda falla l-mira bi żbrixx.
Erba minuti wara, Ndubisi Okoye rrisponda għall-Maroons b’xutt minn barra l-kaxxa li kien iddevjat f’korner. Ivan Janjusevic ħareġ u ppanċja l-ballun mill-istess korner bl-ebda periklu lejn il-lasti ta’ Balzan.

Fit-22 minuta reġa’ kien Okoye li venven minn barra l-kaxxa imma sab lil Janjusevic attent li kien veloċi niżel fuq il-lemin tiegħu biex dawwar f’korner.

Zack Scerri stenna korner barra l-kaxxa fis-56 minuta u kien pront spara mingħajr ma ħasibha darbtejn iżda ix-xutt perikoluż tiegħu ddevja u għadda ċentimetri bogħod minn mall-wieqfa.
Fit-62 minuta Effiong niżżel ballun tajjeb u prova bid-dawra xutt li iżda għadda għoli.
Fl-azzjonijiet kollha ta’ wara, għalkemm iż-żewġ timijiet pruvaw li setgħu, id-difiżi dejjem ħarġu minn fuq u kienu superjuri fuq l-attakanti rispettivi biex il-partita ntemmet fi draw meritat.