Tkompli l-pressjoni fuq il-Gvern tal-Prim Ministru Robert Fico bħala konsegwenza tal-qtil ta’ ġimgħa ilu tal-ġurnalist investigattiv Slovakk Jan Kuciak, u l-għarusa tiegħu Martina Kusnirova.
Pressjoni li trid li jkun hemm elezzjoni bikrija u magħha ngħaqad anki l-President tal-pajjiż Andrej Kiska. Hu fi tmiem il-ġimgħa stqarr li l-qtil ta’ Kuciak kien ħoloq nuqqas ta’ fiduċja kbira kemm fil-Gvern kif ukoll fil-forzi tas-sigurtà taħt il-kmand tiegħu. Hu żied li l-Gvern tal-Prim Ministru Fico ma kien għamel xejn wara l-qtil ta’ Kuciak.
B’reazzjoni għal dak li qal Kiska, Fico qal li l-President issa kien isssieħeb mal-Oppożizzjoni u insista li l-President ma kellu ebda poter li jxolji l-Gvern.
Fil-ġranet ta’ wara l-qtil, kien hemm sejħa minn diversi partiti politiċi li hemm bżonn elezzjoni ġenerali.
Il-qtil qanqal suspetti li l-Mafja Taljana mir-reġjun ta’ Calabria, l-Ndrangheta, kellha kuntatti tajbin fil-Gvern ta’ Fico.
Il-Pulizija Slovakka kienet arrestat seba’ persuni, kollha Taljani residenti fis-Slovakkja, fil-ġranet wara l-qtil imma fi tmiem il-ġimgħa ħelsithom għaliex ma kellha ebda provi kontrihom.
Fi tmiem il-ġimgħa saru wkoll diversi dimostrazzjonijiet kbar kemm fi Bratislava, il-kapitali, kif ukoll bliet oħra madwar id-dinja b’kundanna għall-qtil ta’ Kuciak u biex jinqabdu r-responsabbli.
Il-Gvern Slovakk apparti li qed joffri kumpens ta’ miljun ewro għal min jagħti informazzjoni li twassal għall-arrest tar-responsabbli tal-qtil, talab il-koperazzjoni fl-investigazzjoni tal-FBI u Scotland Yard apparti l-Europol.
Is-Slovakkja f’xifer elezzjoni bikrija minħabba l-qtil tal-ġurnalista


