Heritage Malta se tkun qegħda terġa’ toffri l-esperjenza unika ta’ tlugħ ix-xemx waqt is-solstizju tar-rebbiegħa fit-Tempji tal-Imnajdra meta se tkun qed torganizza żjara bi gwida fis-sit sbieħ nhar it-Tlieta 20 u l-Erbgħa 21 ta’ Marzu.
Fit-Tempji tal-Imnajdra, wieħed mit-tempji Neolitiċi mibnija tul ir-raba’ u t-tielet millenji QK, it-Tempju tan-Nofsinhar inbena biex jimmarka l-pożizzjoni ta’ tlugħ ix-xemx nhar l-ewwel jum ta’ kull staġun. Il-viżitaturi fl-Imnajdra se jibqgħu affaxxinati waqt tlugħ ix-xemx fil-bidu tar-rebbiegħa meta r-raġġi tagħha jaqsmu b’mod eżatt id-daħla enormi bi tliet ġebliet tat-tempju t’isfel fl-Imnajdra, u jitfgħu ponta dawl f’niċċa żgħira fid-daħliet l-aktar fondi tal-kumpless megalitiku. Meta tikkunsidra li n-nies li bnew it-tempji kienu bdiewa u li l-għajxien tagħhom kien jiddependi mill-agrikoltura, it-tibdil tal-istaġuni probabbli kellu tifsira speċjali.
Biex tipprovdi esperjenza aħjar għall-viżitaturi, li se jsegwu tlugħ ix-xemx minn ġot-tempju, Heritage Malta qed toffri postijiet limitati. Min hu interessat jista’ jixtri l-biljetti mis-siti u l-mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta jew mis-sit elettroniku ta’ Heritage Malta. Il-biljetti jiswew €25 ‘il wieħed jew €20 għall-membri ta’ Heritage Malta.
Il-parteċipanti għandhom jiltaqgħu fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra fis-5:30 ta’ filgħodu. L-attivitá tinkludi tlugħ ix-xemx fit-tempju, żjara bi gwida fit-Tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra, żjara fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi li tinkludi l-filmat 4D u pawża għall-kafé.
Għal aktar tagħrif dwar dan l-avveniment, kif ukoll aħbarijiet u attivitajiet oħra ta’ Heritage Malta, żur is-sit elettroniku tal-aġenzija, www.heritagemalta.org, jew il-paġna ta’ Heritage Malta fuq Facebook.
//= $special ?>