Lokali

WARA LI TNEĦĦEW MAL-LEJL: In-nies jerġgħu jibdew ipoġġu l-fjuri b’tifkira għal Daphne Caruana Galizia

Matul il-lejl: Jitneħħew ix-xemgħat u l-fjuri li jfakkru l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Matul il-lejl, xi persuna jew persuni neħħew ix-xemgħat u l-fjuri li kienu jfakkru l-qtil tal-ġurnalista mal-monument tal-Assedju l-Kbir.

Ritratti li deheru fuq Facebook urew il-monument tal-Vittorja nieqes mir-ritratt ta’ Caruana Galizia, il-fjuri u x-xemgħat li kienu jfakkru l-ġurnalista li nqatlet iktar minn erba’ xhur ilu u s-sejħa biex issir ġustizzja u jinqabdu dawk responsabbli.

Imma ma sbieħ il-jum, lanqas kienu għadhom daqqu d-9.30 ta’ filgħodu li l-monument reġa beda jara fjuri u xemgħat ġodda, kif ukoll ritratt tal-ġurnalista li nqatlet kiesaħ u biered f’Ottubru li għadda. Dan hekk kif in-nies mill-ewwel, inkluż il-familjari ta’ Caruana Galizia poġġew mill-ġdid fjuri bħala tifkira għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-familja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia quddiem il-monument tal-Vittorja fil-Belt Valletta.

Kien hemm diversi tentattivi f’dawn l-aħħar ġimgħat biex dan il-mafkar spontanju jitneħħa, saħansitra b’mozzjoni mressqa minn kunsillier Laburista fil-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta. Wara kien hemm ukoll minn poġġa ritratti ta’ vittmi oħra ta’ delitti politiċi, Karin Grech u Raymond Caruana, kif ukoll tal-eks PM Laburista Dom Mintoff. Issa jidher li xi persuna jew persuni inqdew bis-satra tal-lejl biex neħħew kull tifkira. Attentat li falla, hekk kif in-nies reġgħu bdew iqiegħdu l-fjuri u x-xemgħat.

Il-monument dalgħodu meta tneħħiet kull tifkira tal-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia