Real Madrid u Liverpool huma l-ewwel żewġ timijiet li għaddew għall-fażi tal-aħħar tmienja taċ-Champions League. Dan wara li eliminaw lil PSG u Porto rispettivament.
Wara li rebħu l-ewwel leg fi Spanja bi skor ta’ 3-1, Real Madrid, li huma l-holders, rebħu 2-1 fi Franza biex għaddew b’aggregate ta’ 5-2. PSG qatt ma dehru li kienu se jwettqu reazzjoni, speċjalment wara li fis-66 minuta spiċċaw jilagħbu b’10 wara li tkeċċa Verratti għal fawl fuq Casemiro.
L-eroj tal-Merengues kien is-solitu Cristiano RONALDO li fil-51 minuta skurja b’daqqa ta’ ras wara li rċieva cross mingħand Lucas Vazquez. Għal Ronaldo dan kien il-15-il gowl tiegħu fl-aħħar disa’ partiti.
Barra minn hekk hu sar it-tieni plejer fl-istorja taċ-Champions League li skurja f’disa’ partiti konsekuttivi. Il-plejer l-ieħor li kien laħaq din iċ-ċifra impressjonanti kien l-eksattakkant ta’ Manchester Utd Ruud van Nistelrooy fl-2003.
Fis-70 minuta Asensio ta’ Real laqat il-lasta u minuta wara PSG ġabu d-draw b’gowl ta’ CAVANI li sab ix-xibka minn rebound.
Il-ftit tama li forsi kellhom PSG li jgħaddu mietet meta 10 minuti mit-tmiem CASEMIRO reġa’ poġġa lil Real fil-vantaġġ.
Il-partita l-oħra f’Anfield bejn Liverpool u Porto ntemmet fi draw ta’ 0-0 u dan kien biżżejjed għar-Reds biex jgħaddu wara li kienu rebħu l-ewwel leg fil-Portugall bi skor ta’ 5-0.
Liverpool ikkontrollaw il-logħba u fl-istess waqt ftit ħlew enerġija qabel il-konfront tant mistenni li għandhom is-Sibt li ġej fil-Premiership kontra r-rivali Manchester Utd.
Fatt interessanti hu li din kienet l-ewwel darba dan l-istaġun li Liverpool ma skurjawx f’darhom.
Jispikka l-konfront f’Wembley
L-aktar logħba mistennija llum hi dik f’Wembley bejn Tottenham u Juventus. It-Taljani bilfors iridu jiskurjaw wara li fl-ewwel leg tilfu vantaġġ ta’ żewġ gowls u ħallew lill-avversarji tagħhom iġibu d-draw.
Iż-żewġ timijiet qegħdin f’forma tajba u nhar is-Sibt li għadda, f’logħba mill-kampjonat Juventus rebħu 1-0 barra minn darhom kontra Lazio u ftit sigħat wara Napoli tilfu kontra Roma biex issa Juventus qegħdin biss punt taħt il-liders Napoli iżda b’logħba anqas.
Minn naħa tagħhom Tottenham rebħu 2-0 kontra Huddersfield. Dan l-istaġun Tottenham rebħu kull logħba f’Wembley filwaqt li Juventus, dan l-istaġun, rebħu biss darba barra minn darhom fiċ-Champions League.
Fil-logħba l-oħra Manchester City m’għandhomx ifallu milli jikkwalifikaw għall-fażi li jmiss meta llejla jilagħbu kontra Basel. Fl-ewwel leg fl-Iżvizzera Man City rebħu 4-0 u se tkun kważi impossibbli għal Basel li jwettqu rimonta fl-Etihad Stadium.
Dan l-istaġun is-Citizens qatt ma tilfu f’darhom u qed jiddominaw bil-kbir fil-kampjonat.
Ġimagħtejn ilu City rebħu l-League Cup meta għelbu lil Arsenal u nhar il-Ħadd komplew bil-mixja tagħhom lejn ir-rebħ tal-kampjonat b’rebħa ta’ 1-0 kontra Chelsea. It-tim ta’ Guardiola fil-fatt jonqsu biss erba’ rabħiet biex jaċċerta mit-titlu.
Basel, li se jkollhom lil Xhaka sospiż, se jkunu ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Young Boys f’partita valida mit-tazza domestika. Huma għaddejin minn mument negattiv għax tilfu anke ż-żewġ partiti ta’ qabel.
//= $special ?>