Lokali

Flok skola ġdida kull sena, l-Gvern jgħarraq l-ambjent tal-iskejjel eżistenti

Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mat-tħassib li qed turi l-union tal-għalliema (MUT) dwar dak li se jagħmel il-Gvern fil-middle school tar-Rabat, Għawdex.

“Kif qalet l-MUT li rat il-pjanti li l-Gvern s’issa kien qed jaħbi, fir-Rabat Għawdex il-Gvern se jagħmel biss estensjoni li tgħarraq l-ambjent tal-middle school u ġġibha ħaġa waħda mal-iskola primarja,” iddikjara l-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija ppubblikata fl-aħħar ħin jingħad li “flok jibni skola ġdida kull sena b’faċilitajiet moderni kif kien qed jagħmel il-Gvern Nazzjonalista, il-Gvern se jnaqqas ferm iż-żona għar-rikreazzjoni tal-istudenti tal-middle school. Barra minn dan, il-Gvern mhux qed jikkonsulta f’dawn il-pjanijiet tiegħu u kemm l-għalliema kif ukoll l-istudenti u l-ġenituri tagħhom qed isiru jafu mill-mediab’tibdil propost mill-Gvern.”

Fid-dawl ta’ dan il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex għallinqas jerġa’ għall-pjan ipprattikat mill-Gvern Nazzjonalista ta’ skola ġdida kull sena. L-istudenti u l-għalliema jixirqilhom l-aħjar.