Lokali Parlament

‘Ġbejniet’ u ‘frejjeġ’ fil-parlament…..u jidħol anki l-klarinett

#MartinAgius #PhotoJournalist #Photographer #Photography #Photo #Image #Pic #Malta

Il-bidu tas-seduta tal-parlament tal-lejla kienet karatterizzata minn battibekki bejn deputati tal-Gvern, tal-Oppożizzjoni u Marlene Farrugia dwar dikjarazzjonijiet marbuta ma’ ‘ġbejniet’ u ‘frejjeġ’ fil-konfront ta’ xulxin.

Il-battibekki bdew wara li l-Ispeaker Anġlu Farrugia ta ruling fuq il-kelma ‘ġbejna’ li Marlene Farrugia użat fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri f’kumitat parlamentari lbieraħ.

Wara li d-deputat Laburista Alex Muscat talab ruling, l-Ispeaker ordna li Marlene Farrugia tirtira din il-kelma iżda d-deputat Farrugia irrifjutat. L-Ispeaker għalhekk qal li se jieħu l-passi neċessarji fil-konfront ta’ Marlene Farrugia.

Eżatt wara din id-dikjarazzjoni, qamet titkellem id-deputat Laburista Rosanne Cutajar li wżat il-kelma ‘frejjeġ’ fil-konfront ta’ stqarrija tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Għal din id-dikjarazzjoni, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar insista li bl-istess mod bħal dak ta’ qabel, id-deputat Laburista Cutajar kellha tirtira l-kelma ‘frejjeġ’. Wara iktar battibettki, id-deputat Laburista irtirat il-kelma’frejjeġ’.

Fi spjegazzjoni Marlene Farrugia qalet li l-kelma ‘ġbejna’ mhix dispreġġattiva u fakkret li Clint Camilleri kien uża l-kelma klarinett fil-konfront tagħha iżda hi ma ħadet l-ebda passi.