Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq lesta tiddiskuti ‘id-diżarm nukleari’ mal-Istati Uniti

 

Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista Kim Jong-un hu lest biex jitkellem mal-Istati Uniti dwar ‘id-diżarm nukleari’. Dan qaluh ir-rappreżentanti tal-Korea t’Isfel, wara żjara rari fi Pyongyang, u meta sar magħruf ukoll li l-Mexxejja tal-Korej għandhom jiltaqgħu f’summit esklussiv għalihom, ix-xahar id-dieħel.

Il-Korea ta’ Fuq, fil-passat, qatt ma żammet kelmtha biex trażżan il-programmi nukleari tagħha, bil-kriżi fil-peniżola tirranka fl-aħħar xhur. Intant is-summit inter-Korean li jmiss għandu jkun l-ewwel laqgħa bejn il-Mexxejja tal-Istati avversarji għal aktar minn għaxar snin.

Ir-rapporti qalu li Kim Jong-un u l-President tal-Korea t’Isfel,Moon Jae-in, għandhom jiltaqgħu, ix-xahar id-dieħel, fil-villaġġ ta’ Panmunjom qalb il-fruntiera fortifikata ta’ bejn il-pajjiżi. Kien hemm ukoll qbil biex jinfetaħ hotline bejn iż-żewġ mexxejja.

Aktar qabel, Kim Jong-un kien għamilha ċara mal-uffiċjali tal-Korea t’Isfel li hu irid javvanza l-proċess għal rabtiet eqreb bejn pajjiżu u Seoul. L-uffiċjali tal-Korea t’Isfel kienu attendew għal ikla flimkien ma’ Kim Jong-un, b’din tkun l-ewwel laqgħa ta’ Kim ma’ delegazzjoni tal-Korea t’Isfel mindu hu kien ħa t-tmexxija tal-Korea ta’ Fuq.

Ir-rapprezentanti tal-Korea t’Isfel waslu lura pajjiżhom xi sigħat ilu u sostnew li Kim Jong-un qalilhom li hu jinsab lest biex jiddiskuti sitwazzjoni fejn pajjiżu jwarrab għall-armi nukleari ‘f’każ li jemmen li s-sigurtà tar-reġim tiegħu tkun iggarantita’. Kim qal ukoll li l-Korea ta’ Fuq mhix se twettaq provi għall-missili waqt li d-diplomazija tkompli.

Filwaqt li dan hu żblokk importanti, l-Istati Uniti qalet, s’issa, li t-taħditiet mal-Korea komunista jsiru biss f’ċirkustanzi fejn Pyongyang ikun lest ‘biċ-ċar’ li jiddiskuti d-denuklearizzazzjoni. L-Istati Uniti, fl-aħħar jiem, anki esprimiet livell ta’ ottimiżmu kawt dwar l-isforzi lejn titjib fil-kuntatti bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel.