Membri fil-Korp tal-Pulizija u eksmembri li baqgħu jħallsu ta’ kull sena l-miżata magħrufa bħala l-‘Police Mutual Help Fund’, kienu infurmati li b’effett immedjat dan il-Fond se jkun xolt u l-membri se jingħataw lura l-flus li laħqu ħallsu matul is-snin. Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Kummissarju tal-Pulizija. L-aħbar kienet żvelata llum mill-ġurnal in-Nazzjon.
Jirriżulta li grazzi għal dan il-Fond, il-ħlas mill-Mutual Help Fund lill-familjari ta’ membri fil-Korp li jkunu mietu kien ikun ta’ mhux inqas minn €1,250 lil kull familja. Għal dan il-Fond il-membri kienu jħallsu €13.98 kull sena.
Issa l-membri u l-eksmembri fil-Korp tal-Pulizija kienu mgħarrfa b’ittra li minħabba li l-Fond sar piż fuq il-Malta Police Mutual Help Association tant li dan il-Fond ma għadux aktar sostenibbli.
Il-membri kienu mgħarrfa wkoll li: “Meta kien kalkulat l-ammont li wieħed ikun qed jikkontribwixxi għal dan il-Fond matul ħajtu, jiġifieri dak ta’ €13.98 kull sena, u jqabblu mal-ammont li jirċievu l-werrieta tiegħu, irriżulta li hemm diskrepanza kbira. Dan qed iwassal biex filwaqt li l-kontribuzzjoni lejn dan il-Fond tkun ta’ €13.98 fis-sena minn kull membru, l-ammont li qed joħroġ minnu fuq bażi annwali qed jeċċedi bil-wisq aktar dak li fil-fatt qed jidħol fih.
“Dan kollu għad-dannu tal-membri attwali tal-Korp tal-Pulizija li parti sostanzjali mill-kontribuzzjoni li qed iħallsu qed tmur proprju biex jitħallas dan id-dejn li ta’ kull sena qed jiżdied.”
L-ittra lill-membri kompliet li: “Dan żgur li mhux ġust fil-konfront ta’ dawn il-membri, li minflok qed jieħdu l-frott ta’ dak li qed iħallsu huma, dan qed imur għand ‘ħaddieħor’.”
L-ittra kompliet li: “Għalhekk fuq parir tal-Kumitat biex jgħin fl-amministrazzjoni ta’ dan il-Fond kien deċiż mill-Kummissarju li dan il-Mutual Help Fund ikun xolt.”
In vista ta’ din l-ittra, membri milquta li matul din il-ġimgħa tkellmu ma’ In-Nazzjon qalu li huma sorpriżi għall-aħħar b’din id-deċiżjoni. “Din mhijiex soluzzjoni li taqbad u tagħlaq dan il-Fond. Dawn x’affarijiet huma? L-ewwel niġu mwiegħda mod u mbagħad isir mod ieħor. Għax mal-medda tas-snin kien hemm it-tħarbit u t-tgerfix fl-amministrazzjoni tal-Fond, issa xi ħadd jaqbad u jżarmah u jiddikjara li kulħadd se jibqa’ b’li ħa.”
Is-sorsi ta’ In-Nazzjon fissru li issa se jagħtuhom dak li laħqu ħallsu matul ħajjithom u xi perċentwali żieda u daqshekk. “Mela ħafna minna ilna nħallsu f’dan il-Fond għal snin twal, hemm min ilu erbgħin sena jħallas u aktar, u issa jgħidulna li daqshekk… milli kien intqal ma hemm xejn!”
“X’ġustizzja hi din? Possibbli meta tikkonsidra dawk il-flejjes kollha li nġabru matul is-snin mill-membri tal-Korp tal-Pulizija, kemm dawk li kienu attivi u kemm dawk li kienu irtirati… u issa xi ħadd jivvinta li dan il-Fond hu fallut?”
Huma qalulna li ma jniżżlux din l-iskuża u bilfors li fin-nofs hemm xi ħaġa tinten.
Huma temmew jitolbu investigazzjoni serja dwar kif intużaw u ntefqu l-flus f’dan il-Fond matul is-snin.
//= $special ?>