Lokali Qorti

Il-Qorti tagħtih raġun, iżda flusu ma jistax joħodhom

Is-sewwieq Russu ħarab minn Malta, u ħalla lil John Debrincat b'diżabilita' permanenti

Sewwieq ta’ pickup truck li weġġa’ idejh b’mod permanenti f’Għawdex f’inċident tat-traffiku rebaħ €7,300 f’danni mill-Qorti. Madanakollu, il-persuna li weġġgħu, u li għaldaqstant irid iħallas is-somma ordnata mill-Qorti, ħarab minn pajjiżna mingħajr ma ħalla ebda traċċa.

L-inċident seħħ f’Ottubru tal-2014, meta John Debrincat kien qiegħed isuq Toyota Hilux f’roundabout fi Triq San Anard fir-Rabat Għawdex, sejjer lejn id-direzzjoni tan-Nadur – meta karozza Peugeot baqgħet dieħla ġo fih. Din tal-aħħar kienet misjuqa minn Alcksey Osupov, raġel ta’ nazzjonalita’ Russa.

B’kawża ta’ din id-daqqa, il-pickup truck inqaleb, bis-sewwieq John Debrincat iweġġa’ idu li sfat maqbuda bejn il-bieba tat-Toyota Hilux u l-wiċċ tat-triq. Flimkien miegħu fit-truck, kien hemm it-tifla tiegħu li spiċċat imdendla mis-seat tat-trakk grazzi għaċ-ċinturin tas-sigurta’.

Dan l-inċident ħalla lil John Debrincat b’diżabilita’ ta’ 14% hekk kif iċċertifikat minn esperti mediċi fil-Qorti. Għalhekk, il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri waslet għall-konklużjoni li s-sewwieq Russu għandu jeħel id-danni hekk kif ma tax każ it-tabelli tat-traffiku u ma ħax il-prekawzjonijiet kollha rikjesti minn sewwieq.

Minkejja li l-Qorti sabet lil Alcksey Osupov solament responsabbli għall-inċident u għalhekk kellu jeħel multa ta’ €7,300, is-sentenza ingħatat fin-nuqqas tas-sewwieq Russu hekk kif mill-inċident sal-lum hu ħarab minn Malta.