Lokali Parlament

“Intom l-aqwa riżorsa li għandu pajjiżna” – Adrian Delia waqt il-Parlament taż-Żgħażagħ

L-għada li l-Parlament ta’ Malta approva b’mod unanimu abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu issa żgħażagħ ta’ 16-il sena ngħataw id-dritt tal-vot, il-Parlament laqqa’ seduta speċjali fil-preżenza tal-membri tal-Parlament taż-Żgħażagħ.

Waqt li kien qed jindirizza liż-żgħażagħ, Adrian Delia qal li din id-deċiżjoni mhux biss se taffettwa lil dawk li llum laħqu din l-eta’ imma grupp ferm ikbar ta’ żgħażagħ li se jilħqu din l-eta’ sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

“Pajjiżna m’għandu l-ebda riżorsi, ma għandna xejn ħlief lilkom,” iddikjara Adrian Delia waqt li tenna x-xewqa tiegħu li bħalma jrid lill-Partit Nazzjonalista jkun żagħżugħ, hekk ukoll irid lil pajjiżna jkun dejjem iżjed pajjiż modern u żagħżugħ.

Dan filwaqt li ddeskriva d-deċiżjoni tal-Parlament bħala waħda ġusta u li messha ilha li saret. “bil-vot tal-bieraħ diġa rnexxielkom iġġibuna lkoll flimkien,” qal Adrian Delia, filwaqt li awgura li ż-żgħażagħ ikomplu jġibu l-bidla.

Dan filwaqt li l-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li dan id-dritt ġdid mhux eżerċizzju ta’ xiri tal-voti. Qal li issa hemm bżonn ikun hemm ħidma biex żgħażagħ ta’ 16-il sena jinvolvu ruħom iżjed.

Kompla li din mhix kwistjoni biss ta’ eta’ imma hemm diversi sfidi oħra bħall-parteċipazzjoni femminili fil-Parlament.

Filfatt l-għoti ta’ dan id-dritt ma jiqafx hawn. Fid-diskors tiegħu l-President tal-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ Michael Piccinino ddikjara li ż-żgħażagħ għandom jiġu rispettati.

Appella biex issa jsiru l-bidliet neċċessarji fil-liġi sabiex nassiguraw li dawn l-istess żgħażagħ ikunu jistgħu jipparteċipaw fis-soċjetà ċivili. Fost oħrajn, kif inhi l-liġi sal-lum, sabiex żagħżugħ ta’ 16-il sena ikun jista’ jissieħeb f’Għaqda Volontarja konformi mal-liġi, dan irid ikollu l-konsent tal-ġenituri tiegħu.

Suġġett ieħor li tqajjem kemm-il darba hu li l-bolla mħallsa minn żgħażagħ ta’ 16 u 17- il sena ma tgħoddx mal-kontribuzzjoni għall-pensjoni tagħhom. Dan filwaqt li sentejn ilu, tliet kumitati ta’ din il-kamra kienu qablu li l-eta’ tal-kunsens sesswali għandha tinżel mill-eta’ ta’ 18, kif inhi preżentament, għal 16-il sena. Sfortunatament min dak iż-żmien ‘l hawn din il-proposta donnha mietet u ma reġgħetx issemmiet mill-awtoritajiet.

Iż-żgħażagħ preżenti appellaw biex issa jibda proċess ieħor, dak ta’ tagħlim u edukazzjoni biex dawn iż-żgħażagħ jgħarfu r-responsabbiltajiet tagħhom.