L-awtoritajiet Britanniċi qed jinvestigaw iċ-ċirkostanzi ta’ raġel – eks-aġent sigriet tar-Russja li kien ikkundannat rigward spjunaġġ għar-Renju Unit – u bintu li ddaħħlu t-tnejn b’urġenza l-isptar fejn kienu dikjarati ‘kritikament morda’.
Ir-raġel, Sergei Skripal ta’ 60 sena u bintu, Yulia, jiem ilu kienu nstabu mitlufin minn sensihom ġo ċentru kummerċjali ta’ Salisbury, f’Wiltshire. Sadanittant, il-pulizija qed jippruvaw isibu ‘x’tip ta’ sustanza misterjuża’ setgħet wasslet biex il-koppja tispiċċa f’din is-sitwazzjoni.
Numru ta’ ħaddiema mas-servizzi għall-emerġenzi għaddew minn evalwazzjoni dritt wara l-intervent biex il-koppja tittieħed l-isptar, b’wieħed minn dawn il-ħaddiema qed jinżamm taħt osservazzjoni.
Ir-Russja qalet li mgħandha ‘l-ebda informazzjoni’ dwar x’seta’ wassal għall-inċident iżda qalet li lesta biex tikkoopera fl-investigazzjni tal-pulizija jekk kemm-il darba jitolbuha l-awtoritajiet Britanniċi.
L-eksaġent Skripal, li martu, ibnu u ħuħ il-kbir mietu kollha fl-aħħar sentejn, kien ingħata refuġju fir-Renju Unit wara ‘skambju tal-ispjuni’ li sar fl-2010.
Il-Pulizija Britannika kienet qed teżamina filmati tas-CCTV, f’Salisbury, li urew raġel u mara ( li ma kenux identifikati) mexjin qrib il-lokalità fejn instabu ( wara) Sergei Skripal u bintu.
Sadanittant, il-pulizija qalu li r-reazzjoni għall-inċident ma kenitx ibbażata fuq investigazzjoni kontra t-terroriżmu. Madankollu, hemm numru ta’ aġenziji involuti fl-istħarriġ attwali u dawn mhuma qed jeskludu xejn fiċ-ċirkustanzi.
L-awtoritajiet lokali f’Salisbury u South Wiltshire qalu li jinsabu ‘sorpriżi u mħassba’ dwar l-iżviluppi, iżda sostnew li ma kienx hemm element ta’ sogru għall-pubbliku.
Sergei Skripal, eks-uffiċjal tas-servizzi sigrieti mal-militar tar-Russja, kien ikkundannat għal 13 il-sena ħabs f’pajjiżu, fl-2006. Hu instab ħati li kien għadda l-identitajiet ta’ spjuni Russi li kienu qed jaħdmu undercover fl-Ewropa lis-servizzi sigrieti M16 tar-Renju Unit. F’Lulju tal-2010 hu kien wieħed minn erba’ priġunieri li nħelsu minn Moska bi skambju ma’ għaxar spjuni Russi li kienu arrestati mill-FBI. Hu, imbagħad, kien mar jgħix fir-Renju Unit.
Il-possibbiltà li sustanza misterjuża ‘taħti’ għall-fatt li Skripal u bintu spiċċaw l-isptar f’kundizzjoni kritika qanqlet paraguni mal-ivvelenar, fir-Renju Unit, tad-dissidenti u eks membru tas-servizzi sigrieti Russi, Alexander Litvinenko li kien seħħ fl-2006.
Litvinenko kien miet f’Londra wara li xorob it-te imħallat b’sustanza radjuattiva, bl-investigazzjoni tikkonkludi li l-qtil x’aktarx li twettaq bl-approvazzjoni tal-ogħla awtorità fir-Russja.
//= $special ?>

