Fiż-żona magħrufa bħala ‘t-Toqba’, uffiċjalment Triq Sally Port, kien imwiegħed proġett ta’ tisbiħ u modernizzar li madankollu ġie pospost indefinittivament għaliex id-Dipartiment tax-Xogħlijiet għandu prijoritajiet oħra.
F’Novembru li għadda Net News kien żar din iż-żona fejn stajna ninnutaw periklu u abbandun, partijiet mit-triq li ċedew, pontoon jidher kollu msaddad u b’biċċiet minnu mkissra, diversi dgħajjes abbandunati, uħud minnhom li ngħataw in-nar żmien twil ilu u llum qed iservu ta’ post għar-rimi taż-żibel u oħrajn li magħhom twaħħlu notifiki biex jitneħħew mill-post iżda n-notifika ntesiet mingħajr azzjoni.
Dan minbarra arbli tad-dawl li m’għadomx jaħdmu, matul il-lejl tkun mudlama u qed isservi ta’ mekka għat-teħid tad-droga f’post popolari li fis-sajf hu frekwentat kemm għall-għawm kif ukoll għall-bbqs.
Minn dakinhar ma nbidel xejn, ħlief li ż-żona kompliet sejra lura, gate li kienet tagħlaq l-aċċess minħabba l-periklu issa nqalgħet u l-ħofor fit-triq komplew jikbru.
It-Tlieta filgħodu żar dan il-post il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li akkumpanjat mill-kunsillier Anton Gellel, kien mgħarraf ukoll kif il-klabb tar-regatta hawn għandu binja li wkoll tinsab fi stat ta’ abbandun.
Il-Kunsill Lokali ressaq applikazzjoni f’isem il-klabb bl-iskop li din il-binja titranġa u tiġi mdoernizzata, izda kollox baqa’ fuq l-ixkaffa għaliex il-Gvern mhux jalloka fondi għal din iż-żona.
//= $special ?>