Internazzjonali

Jinstabu l-fdalijiet tal-aircraft carrier USS Lexington

Il-fdalijiet tal-aircraft carrier Amerikan USS Lexington, li kien għereq fit-Tieni Gwerra Dinjija, instabu ‘il hinn mill-kosta lejn il-Lvant tal-Awstralja.

Dawn il-fdalijiet instabu ġo tliet kilometri fond ta’ baħar, 76 sena wara li l-Lexington kien involut fil-Battalja ta’ Coral Sea li l-Amerikani ġġieldu kontra l-Ġappun bejn l-4 u t-9 ta’ Mejju tal-1942. ‘Il fuq minn 200 membru tal-ekwipaġġ tal-aircraft carrier kienu tilfu ħajjithom fil-ġlied.

Kelliema għan-Navy tal-Istati Uniti konfermaw li l-aircraft carrier instab minn search team taħt it-tmexxija ta’ Paul Allen, il-ko-fundatur ta’ Microsoft.

Ir-ritratti tal-Lexington fl-istat preżenti jindikaw li l-aircraft carrier għadu ‘preservat tajjeb fiċ-ċirkustanzi’.

Minbarra l-aircraft carrier qed jingħad li nstabu wkoll 11 minn fost il-35 ajruplani tal-gwerra li kellu fuqu waqt il-battalja storika.

Il-Battalja ta’ Coral Sea hi kunsidrata bħala mument importanti fl-impenji tal-Alleati biex iwaqqfu l-avvanzi tal-qawwiet Ġappuniżi fil-Paċifiku waqt l-eqqel tat-Tieni Gwerra.

Il-Lexington kienu għarrquh l-Amerikani stess wara li l-aircraft carrier spiċċa milqut minn diversi torpodoes u bombi tal-Ġappuniżi waqt l-eqqel ta’ dik il-battalja.