Il-Gvern ikkonferma li l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għas-summien biss se jkun bejn l-1 u l-21 ta’ April, iż-żewġ dati inklużi.
L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi kienet irrakkomandat li l-istaġun jinfetaħ bejn il-15 ta’ Marzu u l-4 t’April.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ambjent qal li l-ħin għall-kaċċa għas-Summien se jkun minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar, u l-kaċċa għas-summien matul l-istaġun tar-rebbiegħa se tkun permessa biss għal dawk il-persuni li jingħataw il-Liċenzja Speċjali.
Il-liċenzja speċjali tal-kaċċa fir-rebbiegħa mhix trasferibbli u tippermetti biss il-kaċċa għas-summien u l-ebda speċi oħra.
Il-kwota nazzjonali għall-kaċċa fir-rebbiegħa tal-2018 hi ta’ 5,000 summiena filwaqt li l-kwota li persuna liċenzjata tista’ taqbad hi ta’ ħames summiniet f’ġurnata u għaxar summiniet tul l-istaġun.
L-aħbar toħroġ ġimgħa wara li l-BirdLife wissiet li dawn id-dati jaħbtu mal-eqqel tal-passa. B’reazzjoni għal dan l-istess għaqda permezz ta’ stqarrija qalet li l-estensjoni tal-istaġun se tiġi ssorveljata mill-qrib. Hija sostniet ukoll li se tkun qed issegwi kull illegalità u tirraporta fejn ikun hemm bżonn. BirdLife Malta qalet li fl-eqqel tar-rebbiegħa xieraq li l-ftit li fadal mill-kampanja Maltija titgawda mill-pubbliku u mhux biss mill-kaċċaturi.
Il-Gvern Iċedi Għar-Rikatt tal-Birdlife Malta – FKNK
Jidher li l-Gvern wasal biex jinjora l-istess Kumitat li ħoloq bil-liġi sabiex jaqa’ għar-rikatt tal-Birdlife Malta (BLM).
Kontra r-rakkommandazzjoni tal-Kumitat Ornis li saret wara vot meħud bl-aktar mod demokratiku u trasparanti, biex l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa jkun bejn il-5 u l-25 ta’ April, l-istaġun limitat tal-kaċċa tar-rebbiegħa ser jinfetaħ għas-summien biss mill-1 sal-21 ta’ April 2018.
Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) tiddeplora l-mod medjokru li bih intghażlu dawn id-dati li juri biċ-ċar li t-theddid bir-referendum rebaħ fuq ix-xjenza u d-dritt.
Minkejja dan kollu, l-FKNK tawgura staġun tajjeb u tħeġġeġ lill-kaċċaturi biex josservaw il-liġi sabiex ma nipperikolawx la dan l-istaġun u lanqas staġuni tar-rebbiegħa tal-futur.
Sadattant, il-FKNK ser tibqa’ taħdem bla waqfien sabiex staġuni tal-kaċċa tar-rebbiegħa tal-futur qarib, jinkludu wkoll il-kaċċa tradizzjonali u legali tagħna tal-gamiema.
L-estensjoni tal-istaġun tal-kaċċa hija riskju li se jkollu l-konsegwenzi – Birdlife
BirdLife Malta tinnota d-deċiżjoni tal-Gvern li jestendi l-istaġun tal-kaċċa firrebbiegħa, apposta biex jaħbat mal-qofol tal-passa tal-Gamiema. Għalkemm ilproposta oriġinali mill-Kumitat Ornis kienet għal staġun tal-kaċċa sal-25 ta’ April, id-deċiżjoni tal-Gvern li l-istaġun jinfetaħ sal-21 tax-xahar xorta hija riskju bla bżonn.
L-estensjoni tal-istaġun sat-21 ta’ April se tpoġġi f’riskju kbir lill-Gamiema li hi speċi protetta. Il-Gvern injora l-parir ta’ aġenzija tiegħu stess – l-Awtorità talAmbjent u r-Riżorsi (ERA) – li ssuġġeriet il-perjodu bejn il-15 ta’ Marzu u l-4 ta’ April għall-kaċċa limitata għas-Summien. Il-Gvern jaf li mingħajr infurzar serju madwar Malta u Għawdex se jkun qed jesponi lilu nnifsu għal aktar proċeduri ta’ ksur min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea.
Madwar Malta u Għawdex il-kaċċaturi diġà qed jippreparaw id-dura tagħhom li ma tistax tintuża għall-kaċċa tas-Summien imma hija speċifikament intiża għall-kaċċa tal-Gamiem (ara r-ritratti mehmużin). Sinjali fil-kampanja li jwissu lill-pubbliku biex ma jidħolx f’dawn iz-zoni, u li m’għandhom l-ebda bażi legali, jistgħu jiġu osservati kullimkien. Agħar minn hekk, diversi nassaba qed jirritornaw fl-imnasab tagħhom biex jonsbu għall-għasafar tal-għana tul il-passa tar-rebbiegħa anke jekk din hija prattika li ilha illegali għal numru ta’ snin. Il-Gvern għandu obbligu lejn firxa iktar wiesgħa tas-soċjetà fir-rigward tal-ħarsien ambjentali fil-pajjiż – waqt li jtenni li mhux se jittollera l-illegalitajiet, jaf li fir-realtà l-infurzar madwar Malta u Għawdex huwa limitat u diffiċli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal li l-estensjoni tal-istaġun se tiġi ssorveljata mill-qrib. “Aħna għamilna dak kollu li stajna biex inkunu kostruttivi u nevitaw il-konfrontazzjoni imma dan ir-riskju li qed jieħu l-Gvern huwa xhieda li Dr. Muscat u s-segretarju parlamentari tiegħu Clint Camilleri – li hu stess huwa kaċċatur – m’għandhomx il-kuraġġ jieħdu l-passi neċessarji.”
BirdLife Malta se tkun qed issegwi mill-qrib l-istaġun u kull illegalità. Ma jistax ikun li l-ftit kampanja li fadlilna tibqa’ tintqies bħala dominju esklużiv tal-kaċċaturi u n-nassaba. Il-Gvern se jkollu jinforza l-liġi u ma jittollera l-ebda ksur tagħha filwaqt li jassigura li l-kaċċaturi ma joqtlux għasafar protetti.
//= $special ?>