Internazzjonali

L-Italja: Membri tal-PD jikkunsidraw ftehim ma’ Cinque Stelle

 

Membri ewlenin tal- PD (Partit Demokratiku) taċ-ċentru-xellug sfidaw lil Matteo Renzi, li se jispiċċa minn kap tal-partit, huma u jikkunsidraw ftehim mal-Moviment Cinque Stelle (M5S), wara l-elezzjoni ġenerali tal-Ħadd li ma produċiet l-ebda rebbieħ ċar.

Ir-riżultat tal-elezzjoni kien diżastruż għall-PD waqt li Luigi Di Maio, il-kap tal-M5S li hu kontra l-establishment, iddikjara lill-partit tiegħu bħala ‘rebbieħ’ wara li kiseb kważi 33 fil-mija tal-vot. Intant, l-M5S jeħtieġ jifforma l-alleanzi fil-Parlament jekk għandu l-ħsieb li jmexxi lill-Italja.

Min-naħa tiegħu, Matteo Renzi kien warrab għall-possibbiltà ta’ alleanza mal-M5S waqt li ħabbar ir-riżenja tiegħu fil-bidu tal-ġimgħa. Dan wara li l-PD sofra umiljazzjoni f’din l-elezzjoni fejn spiċċa t-tielet l-akbar forza politika bi 23 fil-mija biss tal-vot.

Esperti politiċi issa qalu li t-tluq ta’ Renzi mix-xena jfisser li ‘konverġenza bejn il-PD u Cinque Stelle hi aktar probabbli peress li l-istess Renzi kien qed joħloq l-ostakoli’.

Madankollu, Renzi qal  li hu lest iwarrab biss ladarba jkun iffurmat Gvern Taljan ġdid. Hu sostna wkoll li l-partit tiegħu ma għamel l-ebda ‘kompromess mal-qawwiet tal-estremiżmu’ li ħarġu bl-aħjar riżultati mill-elezzjoni tal-Ħadd.

Intant, elementi qawwija oħrajn fil-PD ma jabqlux ma’ Renzi u qed iwettqu pressjoni fuqu biex ‘jirriżenja mill-aktar fis’. Dan meta uffiċjali ewlenin tal-PD indikaw li jistgħu joffru ‘appoġġ estern’ lil Gvern immexxi minn Cinque Stelle.

Meta ngħaddew kważi l-voti kollha mill-elezzjoni tal-Ħadd, l-alleanza ewlenija tal-lemin kienet tinsab fuq quddiem b’ 37 fil-mija tal-vot, segwita mill-M5S u l-alleanza taċ-ċentru-xellug immexxija mill-PD. Dan meta l-Kap tal-lemin estrem, Matteo Salvini, tal-Partit Lega Nord (l-akbar entità fil-koalizzjoni tal-lemin) insista bid-dritt li jiggverna lill-pajjiż. Salvini mexxa kampanja kontra l-immigrazzjoni waqt li l-Partit Forza Italia tal-eks Prim Ministru Silvio Berlusconi spiċċa t-tieni l-akbar forza f’dik il-koalizzjoni.

Peress li l-ebda partit jew alleanza ma kisbu maġġoranza, il-Kap tal-M5S,Di Maio, ukoll qed jinsisti għan-nomina biex isir Prim Ministru wara li l-partit tiegħu gwadanja appoġġ sostanzjali mingħand it-Taljani mxebbgħin bis-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjiżhom.