L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kiseb it-tieni post minn fost l-ajruporti Ewropej fl-istħarriġ dwar il-Kwalità tas-Servizz fl-Ajruporti ta’ Airports Council International (ACI).
Din il-kisba hija aktar sinifikanti meta wieħed iqis li s-sena li għaddiet it-terminal kien fi stat ta’ żvilupp permezz tal-Proġett ta’ Rikonfigurazzjoni tat-Terminal tal-kumpanija, li għamel l-għoti ta’ servizz eċċellenti kompitu kemxejn aktar diffiċli.
ACI ħabbar ir-rebbieħa tal-istħarriġ tiegħu għall-2017 wara li 343 ajruport madwar id-dinja ġew iġġudikati mill-passiġġieri li użawhom matul is-sena. L-istħarriġ dwar il-Kwalità tas-Servizz fl-Ajruporti jimmira li jirrikonoxxi ajruporti li s-servizzi u l-faċilitajiet tagħhom jitqiesu bħala eċċellenti mill-passiġġieri li jużawhom.
Dan ir-rikonoxximent mhux ġdid għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, minħabba li f’dawn l-aħħar disa’ snin dejjem klassifika mal-aqwa ħames ajruporti Ewropej f’dan l-istħarriġ. Madankollu, il-punteġġ li kiseb fir-rigward tas-sodisfazzjon ġenerali tal-passiġġieri għall-2017, kien l-aktar wieħed għoli li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qatt laħaq sal-lum il-ġurnata.
Dan il-punteġġ għen lill-ajruport jitla’ post mill-2016, fejn hemm ukoll bl-istess punteġġ Moscow Sheremetyevo (+40 miljun passiġġer/sena) u Porto (+10 miljun passiġġier/sena). Fl-ewwel post fil-kategorija tal-ajruporti Ewropej, insibu lil Sochi, ajruport fir-Russja li jilqa’
aktar minn ħames miljun passiġġier kull sena.
Is-sena 2017, fil-fatt, kienet waħda tassew importanti f’termini ta’ żviluppi infrastrutturali, li matulha l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fetaħ VIP lounge ġdida, irriloka ż-Żona tal-Iskring tas-Sigurtà darbtejn u bena sular mezzanin ġdid waqt li baqa’ operazzjonali u laqa’ numru rekord ta’ passiġġieri.
It-titjib li sar fl-MIA jixhed fil-punteġġi għoljin li kiseb l-ajruport fl-istħarriġ għall-atmosfera fit-terminal, l-indafa u s-swali VIP, kif ukoll il-korteżija tal-istaff tal-ajruport u tas-sigurtà.
//= $special ?>