Lokali

Mara feruta gravi wara li tal-linja tieqaf f’salt fil-Ħamrun

Ambulanza - Ritratt mill-arkivji

Mara ta’ 49 sena weġġgħet gravi meta kienet fuq tal-linja li waqfet f’daqqa fil-Ħamrun. L-inċident seħħ fi Triq Ġuze’ Flores għall-ħabta tal-16.30.

Minn stħarriġ irriżulta li l-mara, li hija Ingliża u toqgħod il-Qawra, sofriet xi ġrieħi meta xufier tal-linja, Taljan ta’ 28 sena li jgħix il-Marsa, waqqaf tal-linja f’salt sabiex jevita inċident ma’ vettura oħra.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-mara l-Isptar Mater Dei, fejn ġiet iċċertifikata li qegħda ssofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.