Internazzjonali

Is-Slovakkja: Jiżdiedu l-akkużi wara l-qtil tal-ġurnalista

L-istampa fis-Slovakkja qed tattakka bla riservi lill-Prim Ministru tal-pajjiz, Robert Fico, waqt li akkużatu li naqas milli jara kemm is-sitwazzjoni saret serja qalb is-soċjetà Slovakka. Ir-rabja popolari, intant, żdiedet wara l-qtil, jiem ilu, tal-ġurnalista investigattiv Slovakk, Jan Kuciak li nstab b’diversi tiri f’rasu, flimkien mat-tfalja Martina Kusnirova li wkoll inqatlet minn persuna jew persuni mhux magħrufa.

Uħud mir-rapporti ewlenin qalu li ‘qegħdin jaraw it-tmiem ta’ Fico u li l-uniċi nies li ma jistgħux jaraw dan huma Fico innifsu u l-Ministru tal-Intern Slovakk, Robert Kalinak’.

Sezzjonijiet tal-istampa anki sostnew li Fico u Kalinak saru ‘simboli tal-Mafja fil-Gvern’ waqt li jirriflettu ‘sitwazzjoni ta’ korruzzjoni aktar qawwija mill-poter tal-Gvern u li wasslet għall-omiċidji ta’ Kuciak u Kusnirova.’

Il-Pulizija qalet li l-qtil ta’ Kuciak jidher li hu relatat mar-rappurtaġġ tiegħu dwar suspettata frodi fis-settur tas-sussidji, flimkien mar-rabtiet bejn il-politiċi u l-intraprendituri, li jinkludu mafjużi Taljani bbażati fis-Slovakkja.

Il-gazzetta Pravda qed tgħid li l-Partit Most-Hid għandu jitlaq mill-koalizzjoni ta’  Fico dment li Kalinak ma jirriżenjax fi żmien ġimgħa. Intant, il-media Slovakka kważi kollha qablet li l-poplu fil-pajjiż ‘tilef il-fiduċja kważi f’kollox, inklużi l-politiċi, il-pulizija u l-prosekuturi’ wara għaxar snin ta’ gvernijiet immexxija minn Robert Fico.