Lokali Qorti

Tammetti li serqet il-mobiles mill-isptar minħabba l-vizzju tad-droga

Mara ta' 38 sena ammettiet fil-Qorti li serqet mobiles ta' impjegati f'Mater Dei minħabba l-vizzju tad-droga

Fil-Qorti, mara bil-vizzju tad-droga tpoġġiet fuq probation ta’ tliet snin u ddaħħlet fi programm ta’ rijabilitazzjoni wara li tressqet il-Qorti akkużata li serqet mobiles ta’ impjegati tal-isptar Mater Dei.

Alison Mckeown ta’ 38 sena mill-Marsa ammettiet għall-akkużi miġjuba kontriha mill-Ispettur Lara Butters li mexxiet il-prosekuzzjoni, fejn din tal-aħħar informat lill-Qorti wkoll li ż-żewġ mobiles qegħdin għand il-Pulizija u se jiġu rritornati lura lil sidhom. Irrappreżentata mill-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia, l-akkużata ammetiet ukoll li hi għandha problema tal-vizzju tad-droga.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Francesco Depascquale qal li l-fatt li hi ammettiet l-akkużi miġjuba kontriha, il-fatt li se jirritornaw lura l-mobiles li nsterqu u li l-akkużata għandha problema tal-vizzju tad-droga, ordna li Alison Mckeown trid tagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga u li titpoġġa fuq probation għal tliet snin.