Lokali

It-Tapizzar: “qatt ma għaraf lil min sparalu”

Hu maħsub li Raymond Grima kien fil-mira oriġinali tal-aggressur; Fl-omiċidju nqatel ukoll Lino Mangion

It-Tapizzar Raymond Grima li miet ilbieraħ kawża tal-isparatura tat-17 ta’ Novembru li għadda, fl-ebda mument ma’ għaraf lil min spara. Il-Pulizija qalet dan fi stqarrija wara li fil-midja kien irrappurtat li tul dawn it-tliet xhur, Grima ma lissen l-ebda kelma dwar il-mottiv tal-aggressur.

Il-Pulizija fl-istqarrija qalet li trid tagħmilha ċara li hija qatt ma wasslet għal konklużjoni dwar jekk Grima kienx jaf jew għarafx lil min spara.

Raymond Grima ta’ 61 sena mill-Iklin miet wara ftit aktar minn tliet xhur jikkumbatti mal-mewt fl-isptar Mater Dei. Grima kien qala’ erba’ tiri minn persuna li kienet waqfet b’mutur quddiem il-garaxx tiegħu f’Ħ’Attard, kawża tal-istess sparatura kien inqatel b’mod innoċenti Lino Mangion, li fil-ħin tal-isparatura kien inzerta fil-garaxx.

Il-każ seħħ fit-17 ta’ Novembru li għadda, meta raġel twil u rqiq, waqaf quddiem il-garaxx, daħal bi crash helmet u beda jispara tiri b’revolver kemm fuq sid il-garaxx, jiġifieri Raymond Grima, kif ukoll fuq Lino Mangion, li miet fuq il-post.

Għal dawn l-aħħar tliet xhur, il-kamra fl-isptar Mater Dei fejn kien qed jiġi rikoverat Raymond Grima kienet qed tiġi mgħassa mill-Pulizija 24 siegħa kuljum.

Sorsi li kienu tkellmu ma’ NET News kienu indikaw li qabel kien ittieħed l-isptar Mater Dei, Grima kien għadu konxju, u fil-ftit sekondi qabel iddaħħal għall-operazzjoni, kien irrakkonta lill-Pulizija dwar dak li kienu għadu kif seħħ – jiġifieri li raġel twil u irqieq kien waqaf b’mutur quddiem il-garaxx, u daħal jispara. Hu maħsub li b’kollox kienu ġew sparati mal-10 tiri.

B’hekk, dan l-omiċidju doppju jiżdied mal-lista ta’ omiċidji fl-aħħar snin li għadhom mhux solvuti.

Imut it-tapizzar li ntlaqat minn erba’ tiri f’Ħ’Attard