Sport

TITLESTA L-AWTOPSJA TA’ DAVIDE ASTORI: Magħruf il-kaġun tal-mewt tal-plejer

Ftit tal-ħin ilu ħareġ l-ewwel rapport tal-awtopsja li saret fuq il-ġisem bla ħajja tal-captain ta’ Fiorentina, Davide Astori, li l-Ħadd li għadda nstab mejjet fis-sodda tal-lukanda fejn kien flimkien mal-kumplament tal-iskwadra.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ingħad li aktarx il-mewt tiegħu kienet waħda naturali, għaliex instab li waqt l-irqad, qalb Astori bdiet tnaqqas ftit ftit sakemm waqfet għalkollox b’dan iwassal għall-mewt tiegħu.

Issa mistenni li jsiru eżamijiet iktar dettaljati, li r-rizultat tagħhom għandu jkun magħruf fi żmien 60 jum, għalkemm il-ġisem tal-plejer internazzjonali tal-Italja inħeles u għadda għand il-familja.

Davide Astori issa se jkun espost sakemm il-Ħamis isir il-funeral. Sadattant kemm Fiorentina u l-eks klabb tiegħu Cagliari ddeċidew li jirtiraw in-numru 13 li kien jilgħab bih.