Tlieta min-nies sofrew feriti gravi u serji f’inċident tat-traffiku fi Triq Aldo Moro fil-Marsa, fejn żewġ karozzi ħabtu head-on.
L-incident seħħ matul il-lejl li għadda għall-ħabta tas-siegħa neqsin għoxrin fi Triq Aldo Moro, il-Marsa. Fi stqarrija tal-Pulizija, irriżulta li seħħ impatt bejn vettura tat-tip Renault Megane misjuqa minn raġel Serb ta’ 27 sena mill-Ħamrun u karozza tat-tip Toyota Aygo misjuqa minn raġel ta’ 53 sena mis-Swieqi.
Fiż-żewġ karozzi kien hemm il-passiġġiera, mara ta’ 43 sena residenti l-Ħamrun li kienet passiġġiera fil-vettura tat-tip Renault Megane, filwaqt li mara ta’ 49 sena residenti s-Swieqi kienet passiġġiera fil-vettura tat-tip Toyota Aygo.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu lill-vittmi. Aktar tard, il-mara ta’ 49 sena ġiet iċċertifikata li qegħda ssofri minn ġrieħi serji, ir-raġel ta’ 53 sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi, il-mara ta’ 43 sena ġiet iċċertifikata li qed issofri minn feriti gravi wkoll, filwaqt li r-raġel ta’ 27 sena ma sofra l-ebda ġrieħi.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Consuelo Scerri Herrera li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
//= $special ?>