Stormy Daniels, attriċi tal-films pornografiċi, fetħet kawża kontra l-President Amerikan Donald Trump biex tistqarr li ftehim li kien sar bejniethom ma kienx validu.
Daniels hi f’nofs allegazzjonijiet li kellha relazzjoni ma’ Trump, u jidher li l-ftehim kien biex hi ma tgħid xejn dwar dan. Imma issa hi qed tgħid li l-ftehim mhux validu għaliex m’hemmx il-firma ta’ Trump fuqu. Daniels issostni li l-ftehim sar qabel l-elezzjoni tal-2016 meta Trump kien elett President.
L-avukat personali ta’ Trump, Michael Cohen, ix-xahar li għadda kien ikkonferma li kien ta personalment 130,000 dollaru lil Daniels. F’intervista li tat fl-2011, Daniels sostniet li kienet bdiet relazzjoni sesswali ma’ Trump fl-2006, ftit wara li martu Melania welldet lil ibnu Barron. Ir-rapporti kienu reġgħu feġġew f’Jannar, meta l-Wall Street Journal irrapporta li hi kellha tiffirma kuntratt biex ma tiżvela xejn hekk kif bdiet il-kampanja Presidenzjali fl-2016. Iżda Cohen qal li l-President qed jiċħad bil-qawwa li kellu relazzjoni romantika ma’ Daniels.
Sadattant kien hemm riżenja importanti mill-White House, dik ta’ Gary Cohn, il-konsulent dwar l-ekonomija ta’ Trump. Jidher li r-riżenja ta’ Cohn hi marbuta mad-deċiżjoni ta’ Trump li jpoġġi d-dazji fuq l-azzar u l-aluminju impurtat meta Cohn hu persuna favur il-kummerċ ħieles.
//= $special ?>