Bejn ilbieraħ u llum l-istudenti tas-Sekondarja li se jagħmlu l-eżamijiet tal-‘O’ Level irċievew it-time tables tagħhom. Dan meta l-eżamijiet u l-orali se jibdew fi żmien ġimgħa.
Ġenituri li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li apparti li t-time tables waslu tard, hemm kwistjoni oħra li qed tqajjem rabja kbira.
Jidher illi ħafna studenti ingħataw postijiet għall-eżamijiet tagħhom fi skejjel li qedgħin ‘il bogħod. Per eżempju, kien hemm diversi ġenituri li għandhom it-tfal tagħhom fis-Sekondarja tal-Mosta li qed jilmentaw għall-fatt li l-eżamijiet ta’ uliedhom se jsiru Ħad-Dingli.
“Għandek diġa’ tensjoni biex tasal fil-ħin, it-traffiku, ambjent differenti. Se jkun martirju sakemm imorru għall-eżami”, qalilna missier li kkuntatjana dalgħodu.
Studenti oħra se jkollhom jaqbdu tal-linja għal Ħamrun jew Ħad-Dingli, għax il-ġenituri ma jkunux jistgħu iwassluhom.
Ironikament, kien il-Partit Laburista stess illi fl-aħħar elezzjoni wiegħed li “jassigura li l-eżamijiet isiru fl-iskola fejn jattendu l-istudenti”. Din il-wegħda kien għamilha Evarist Bartolo f’konferenza tal-aħbarijiet ma’ Joseph Muscat fid-9 ta’ Mejju li għadda.
//= $special ?>