Lokali

Cena di Magro – Ikla tematika għar-Randan fil-Palazz tal-Inkwiżitur

Ninsabu fiż-żmien ir-Randan u huma ħafna li għadhom jeżerċitaw ċertu tip ta’ kontroll fuq l-ikel li jikkonsmaw f’dan il-perjodu. Heritage Malta flimkien mal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) se terġa’ tiftaħ il-bibien tal-kċina tal-Palazz tal-Inkwiżitur u se toffri ikla oħra storika u tematika għal dan iż-żmien tar-Randan flimkien ma’ sessjoni ta’ tagħrif dwar x’tip ta’ ikel imur ma’ nbejjed li nafu li kellna Malta sa mis-seklu 18.

L-Arkivji tal-Vatikan jagħtu ħjiel dwar ħajjet l-Inkwiżitur Fabio Chigi, li wara li serva f’Malta kompla javvanza sakemm inħatar Papa bl-isem ta’ Alessandru VII. Għandna tagħrif dwar l-ikel li kien jikkonsma fil-perjodu li dam bħala Inkwiżitur f’Malta. Fl-1637 matul i giorni di magro tiegħu tar-Randan, Chigi kien jiekol sopop tal-ħaxix, ħut, frott niexef, lewż, żebbuġ, larinġ u nbid. Dawn se jkunu l-ingredjenti ewlenin f’din l-ikla tematika u storika li se  ssir proprju fl-istess Palazz fejn serva Chigi, hekk kif kollox se jiġi ppreparat skond ktieb tar-riċetti tar-Randan li jinsab ġewwa l-Bibljoteka Nazzjonali.

Dawn kienu żminijiet ta’ kontroll riġidu fuq dak li jittiekel. Is-sena kienet maqsuma f’jiem ta’ giorni di magro fejn laħam, bajd u prodotti tal-ħalib ma setgħux jiġu kkonsmati, u giorni di grasso li matulhom setgħu jittieklu dawn il-prodotti. Giorni di magro ma kienux biss ristretti għall-perjodu tar-Randan, iżda kienu jiġu osservati wkoll kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa, is-Sibt, fl-Avvent u lejlet il-festi Kattoliċi ewlenin. Għalhekk il-laħam u l-ġobon setgħu jiġu kkonsmati biss kull nhar ta’ Tlieta, il-Ħamis, il-Ħdud u l-festi. Bħala gwardjani tal-fidi Kattolika, l-Inkwiżituri mhux biss kellhom id-dmir li jaraw li l-poplu josserva dawn ir-regolamenti, iżda huma riedu jkunu wkoll ta’ eżempju. Fortunatament dokumenti jiżvelaw x’ikkonsma l-Inkwiżitur Fabio Chigi fl-ikla tar-Randan tal-1637, u Heritage Malta flimkien mal-ITS ħadu spunt mid-dokumenti u ħadmu fil-kċina sabiex  joħolqu mill-ġdid din l-ikla storika.

Waqt din l-ikla l-parteċipanti se jingħataw sopop tal-ħaxix, il-platt ewlieni fuq bażi ta’ ħut bħall-bakkaljaw u aringi bil-kontorni, u deżerta li tinkludi larinġ, frott niexef, ġewż, ġellewż u kafé. L-ikla se tkun imħejjija b’reqqa skont ktieb tar-riċetti għar-Randan tal-1637.  Dr Noel Buttigieg se jagħti spjega u jesplora dan is-suġġett filwaqt li se ssir ukoll sessjoni ta’ tagħrif dwar x’ikel imur tajjeb ma’ nbid li nafu li jinsab fuq lista ta’ nbejjed ikkonsmati mill-Granmastru Francisco Ximenes.

L-ikla Cena di Magro fil-Palazz tal-Inkwiżitur hija esperjenza oħra esklussiva miftuħa għal numru limitat ta’ parteċipanti. L-attivitá se ssir nhar il-Ħamis 15 ta’ Marzu u tibda fis-7.30pm. Il-biljetti għall-prezz ta’ €35 u ta’ €32 għall-membri ta’ Heritage Malta jistgħu jinkisbu online, https://shop.heritagemalta.org, jew mis-siti u mużewijiet ta’ Heritage Malta.

Għal iktar tagħrif ċemplu fuq 21663731 jew żuru l-website ta’ Heritage Malta, www.heritagemalta.org, jew il-paġna uffiċjali tal-aġenzija u tal-Palazz tal-Inkwiżitur fuq Facebook.