Lokali

Proġett tal-Marsa: Devjazzjonijiet ġodda mill-ġimgħa d-dieħla

Mill-ġimgħa d-dieħla se jkun hemm devjazzjonijiet ġodda hekk kif qed ikompli għaddej il-proġett tal-junction tal-Marsa. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg qal li l-proġett, ko-finanzjat mill-programm ta’ fondi Ewropej mill-2014 sal-2020, hu l-ikbar investiment fit-toroq fl-istorja ta’ Malta.

Hu qal li dan miexi f’diversi fażijiet li qed jimxu flimkien sabiex jitnaqqas iż-żmien tat-tlestija tal-proġett.

L-ewwel fażi hi t-twaqqiegħ u r-rilokazzjoni tal-fabbriki fil-Marsa. It-tieni fażi tikkonsisti fix-xogħolijiet fi Triq Aldo Moro sabiex jinħolqu spazji ġodda fejn jistgħu isiru d-devjazzjonijiet tat-traffiku.

It-tielet fażi hi dik tal-kostruzzjoni tas-seba’ strutturi li se jiffurmaw il-junction. Il-Ministru Borg qal li bħalissa għaddejja l-evalwazzjoni tat-tenders li ntefgħu minn konsorzji kemm Maltin kif ukoll barranin.

Il-Ministru Ian Borg ħabbar ukoll li mill-Ħamis, se jinfetaħ l-aċċess għall-Baċir numru 7  anki waranofsinhar fid-direzzjoni lejn Raħal l-Ġdid u l-Kottonera bejn it-3 u s-7 ta’ waranofsinhar.

Mistoqsi dwar x’se jiġri mis-siġar tal-madwar, il-Ministru Borg qal li s-siġar se jiġu mħawwla mill-ġdid, fosthom fi Triq Garibaldi li tagħti għal Ħal Luqa.

Hu qal li fejn hu possibbli is-siġar se jiġu mħawwla f’postijiet oħra iżda qal li rridu nkunu realistiċi u japprezzaw li dan il-proġett se jnaqqas il-konġestjoni u l-emissjonijiet.