Lokali

FILMAT: Jinawguraw biċċa triq… u jabbandunaw il-kumplament

Xahar ilu, Ian Borg kien ftaħar quddiem il-kameras li kien qed jingħata l-asfalt lil din it-triq... xahar wara, ix-xogħol reġa' kważi waqaf, b'mhux aktar minn sitt ħaddiema fuq lant tax-xogħol

Aktar minn xahar ilu kellha tkun żjara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fiż-Żejtun biex jitħaffef ix-xogħol fi Triq A. Cachia Zammit, xogħol li kien ilu għaddej kważi sena sħiħa.

Dan għaliex ġurnata wara ż-żjara ta’ Adrian Delia f’din it-triq, il-Ministru Ian Borg kien żar it-triq u ftaħar li t-triq kienet bdiet tingħata l-asfalt.

Imma xahrejn wara ż-żjara tal-Ministru Ian Borg f’din it-triq, NET News reġa’ mar fuq il-post u mill-ewwel indunajna li l-Ministru, inawgura biċċa triq imma abbanduna l-kumplament.

Dan għaliex, l-asfalt ingħata biss lil kwart tat-triq. It-tliet kwarti l-oħra, sal-lum, għadhom fi stat diżastruż, b’qajla attività li turi li qed isir ix-xogħol.

Filfatt, residenti ta’ Triq Cachia Zammit li tkellmu ma’ NET News qalulna li kuljum, mhux qed ikun hemm aktar minn sitt ħaddiema jaħdmu – ċertament ammont żgħir ħafna ta’ ħaddiema meta wieħed iqis it-tul ta’ din it-triq ewlenija fiż-Żejtun.

Tant kemm ix-xogħol ilu għaddej, u għaddej bil-mod, li t-triq lanqas biss hija magħluqa kollha għat-traffiku. Filfatt, il-karozzi għadhom jistgħu jgħaddu mit-triq minkejja li kważi t-triq kollha hija maqlugħha. B’konsegwenza ta’ dan, ma jonqosx l-ammont kbir ta’ trab li qed itir fil-ħwienet u d-djar li hemm fit-triq.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien żar din it-triq fis-27 ta’ Jannar. Meta kien iż-Żejtun, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ anke ma’ anzjana li spjegatlu kif ftit taż-żmien ilu waqgħet fit-triq u spiċċat biex għamlet 30 punt f’idejha.

L-għada stess, jiġifieri fit-28 ta’ Jannar, il-Ministru Ian Borg mar fi Triq Cachia Zammit. Dakinhar, il-websajt Laburista tal-aħbarijiet kienet ftaħret biż-żjara ta’ Ian Borg u qalet li kien beda jingħata l-asfalt fi Triq Cachia Zammit.

Illum, aktar minn xahar wara, il-kumplament tat-triq ġiet kważi abbandunata, bi trakkijiet u gaffef weqfin f’nofs tat-triq mingħajr ebda ħjiel ta’ xogħol għaddej – għajr ftit xogħol fil-parti ta’ fuq tat-triq, fejn mhux qed ikunu hemm aktar minn sitt ħaddiema fuq lant tax-xogħol.

Wara li Adrian Delia żar Triq A. Cachia Zammit fiż-Żejtun … illum ngħatat l-asfalt