Lokali

Ħidma mal-Universita’ ta’ Malta biex jiżdiedu iktar siti ta’ Wirt Dinji f’Malta u Għawdex

Il-Belt Valletta: waħda mit-tliet siti fil-lista tal-UNESCO

L-Universita’ ta’ Malta u l-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Kultura iffirmaw ftehim sabiex jaħdmu bi sħab biex jiżdiedu iktar siti Maltin u Għawdxi fuq il-lista tal-Wirt Dinju tal-UNESCO.

Wara li kienet irratifikat tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-1978 dwar il-Protezzjoni fil-Qasam tal-Wirt Dinji Kulturali u Naturali, Malta kellha tliet siti li ġew rikonoxxuti bħala Wirt Dinji mill-UNESCO. Dawn huma il-Belt Valletta, it-Tempji Megalitiċi u l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li għal dan il-proġett inħass il-bżonn li l-Ministeru jingħaqad mal-Università, għaliex mhux biss huwa meħtieġ li dan ix-xogħol impekkabbli jsir min-nies tas-sengħa li jaqgħu taħt il-Ministeru, imma biex issir ukoll ir-riċerka meħtieġa biex il-UNESCO tilqa’ u tirrikonoxxi l-applikazzjonijiet tagħha. Fl-Università hemm riċerkaturi li jistgħu jgħinu biex jitwasslu s-siti tanġibbli tagħna lejn dan ir-rikonxximent meħtieġ.

Anthony Pace, konsulent ewlieni f’din il-ħidma bi sħab, jispjega l-għanijiet tagħha li huma prinċiparjament ta’ riċerka preparazzjoni fi proċess li hu pjuttost kumpless.

Hu qal li din il-ħidma trid tinkludi wkoll sorveljanza sabiex il-pressjoni ta’ ċertu żvilupp, b’mod partikolari ta’ bini għoli, ma jgħarraqx il-ħidma u jipperikola ċ-ċans li iktar siti ikunu ddikjarati bħala wirt kulturali dinji.

Hu stmat li l-proċess sabiex l-ewwel postijiet li jkunu nominati għal konsiderazzjoni bħala wirt kulturali dinji mistenni jitlesta fi żmien sentejn

Il-ftehim kien iffirmat mir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella u mis-Segretarju Permanenti Johan Galea f’isem il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali