Il-Partit Laburista reġa’ nqabad f’gidba wara li Adrian Delia għamel proposta biex iż-żgħażagħ kollha sa’ 21 sena jingħataw transport pubbliku b’xejn. Għal Adrian Delia bil-maqlub ta’ Joseph Muscat b’xejn tfisser b’xejn u għal kulħadd tfisser għal kulħadd.
Qal dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa llejla.
Illum Ian Borg ammetta li mhux veru li ż-żgħażagħ kollha jingħatalhom transport pubbliku b’xejn. Il-Ministru Borg ammetta li l-iskema li daħħal il-Gvern fil-baġit li għadda hija mħabbra għal din is-sena biss mingħajr ebda ċertezza li tkompli fis-snin ta’ wara, tgħodd biss għal dawk li għandom minn 16 il-sena sa’ 20 sena u mhux għal dawk li huma iżgħar minn dik l-età, u tgħodd biss għal ammont limitat ta’ kreditu, li meta jinqabeż jispiċċaw iħallsu għalih iż-żgħażagħ minn buthom.
Il-Partit Nazzjonalista qal li Ian Borg u Joseph Muscat m’għandomx soluzzjonijiet l-anqas fit-traffiku. Mhux ta’ b’xejn li l-Maltin jibqgħu mħassbin ħafna dwar il-qagħda mwiegħra tat-traffiku dejjem tiggrava f’pajjiżna, żiedtemm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>