Lokali

Il-Gvern iwarrab lill-aktar pulizija vulnerabbli

Werrieta ta' membri fil-Korp tal-Pulizija mhux se jibqgħu jieħdu somma flus wara l-mewt ta' membri fil-Korp tal-Pulizija

Ix-xoljiment bla konsultazzjoni u bl-aktar mod arbitrarju tal-Police Mutual Help Fund, mill-Kummissarju tal-Pulizija, wassal messaġġ qawwi li t-Tmexxija preżenti tal-Korp mhix tagħti każ ħafna eks membri tal-Korp, li fil-verità huma f’sitwazzjoni finanzjarja batuta.

Il-ġurnal In-Nazzjon illum irrapporta li għadd ta’ membri u eks membri tal-Korp ma jistgħux jifhmu kif ittieħdet din id-deċiżjoni mingħajr konsultazzjoni, hekk kif fil-fond intefgħu flejjes kbar. Filwaqt li staqsew x’sar minn dan il-fond, min-naħa l-oħra, apprezzaw l-impenn tal-ġurnal biex il-vuċi tagħhom tinstema’.

Membru anzjan qal li ilu jħallas regolarment il-miżata ta’ darba fis-sena għal aktar minn 30 sena. Dan biex wara mewtu, il-familja tkun tista’ tieħu somma ta’ flus ħalli tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti għall-Funeral, ħlasijiet oħrajn u anke jkollha appoġġ finanzjarju ladarba l-pensjoni tiegħu hi waħda limitata ħafna.

Iżda bid-deċiżjoni li dan il-fond jitwaqqaf ħesrem, hu se jingħata lura l-flus li ħallas matul is-snin li għaddew, iżda s-somma li suppost jingħata wara mewtu mhux se tingħata lill-familja tiegħu.

Sadanittant, wara r-rapport żvelat ilbieraħ minn In-Nazzjon, il-President tal-Police Officers Union, l-Ispettur Sandro Camilleri, qal li kienet l-union li jmexxi hu li ndunat li kemm ilu jeżisti l-Korp, qatt ma kien sar awditjar tal-fond. U dan meta, il-Liġi titlob li dan ikun awditjat kull sena.

Aktar fil-ħarġa tal-lum ta’ In-Nazzjon