Lokali Parlament

Il-Gvern mhux jara urġenza fis-saħħa mentali

– Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li din hi liġi sabiħa li se tagħmel il-ġid fil-pajjiż iżda jidher li l-Gvern jidher li m’għandux sens ta’ urġenza fis-settur tas-saħħa mentali.

Fil-parlamnet id-deputat Nazzjonalista sostniet li hu pożittiv li l-gvern daħħal is-suġġett tal-etika fl-edukazzjoni. Hi appellat biex l-operaturi kollha fis-settur jingħataw l-appoġġ meħtieġ u kompliet li l-liġi qed terġa’ titfa’ lura l-ħsieb il-Liġi tas-Saħħa Mentali fejn il-pazjent tpoġġa fiċ-ċentru tal-attenzjoni waqt li an qed jiddawwar b’nies professjonisti u kwalifikati fix-xogħol tagħhom. Il-psikoterapisti m’humiex weħidhom.

Dwar id-drittijiet tal-pazjenti, Claudette Buttigieg qalet li ċ-Charter dwar id-Drittijiet tal-Pazjenti qatt ma tressaq il-parlament u allura d-drittijiet m’humiex implimentati. Fost dawn id-drittijiet hemm id-dritt tal-għażla tal-pazjenti, sostniet Claudette Buttigieg, li sostniet li l-liġi issa nbidlet minn dik li kienet qabel għaliex kienet se toħloq problemi kbar.

Claudette Buttigieg tkellmet dwar il-problemi li jiffaċċjaw il-familji u kompliet li l-kontribut ta’ dawn il-familji għandu jkun rikonoxxut. Hawn numru ta’ għaqdiet volontarji li qed jagħtu servizz eċċellenti; liema għaqdiet għandhom bżonn jingħataw l-għajnuna meħtieġa. Fost dawn hemm ir-Richmond Foundation, li qed tagħti kontribut kbir fis-soċjetà fil-qasam tas-saħħa mentali. Fil-pajjiż hawn ħafna għaqdiet volontarji li joffru l-istess servizzi u għalhekk dawn għandhom jingħataw l-appoġġ. Ħadd m’għandu jibża’ mir-regolamentazzjoni, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li enfażizza l-importanza tal-impenn ħolistiku.

Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara qalet li min iwassal is-servizz għandu jkun ta’ livell ogħli biex iwassal dan is-servizz. L-abbozz m’għandux jeskludi l-kura li tingħata mit-tobba tal-familja. Hi spjegat kif inbidel il-mod kif tingħata l-kura bl-inkużjoni tal-professjonisti flimkien mat-tobba. Hi tkellmet dwar it-taħriġ tal-professjoni li kompliet tiżviluppa. L-Oppożizzjoni se tivvota favur dan l-abbozz, sostniet id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara.