Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex jieħu azzjoni konkreta biex tonqos id-diskrepanza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa. Dan qalu fi stqarrija ffirmata mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin, Claudette Buttiġieġ, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara. Ċifri tal-Eurostat juru li sfortunatament in-nisa qegħdin dejjem jaqilgħu inqas mill-irġiel għall-istess xogħol li jagħmlu. Mill-istatistika jirriżulta li filwaqt li d-differenza kienet ta’ 7% fl-2011, din marret għall-agħar u żdiedet għal 11% fl-2016.
Ċifri oħra, li ġew ippubblikati f’dawn l-aħħar ġranet, juru wkoll li hemm rata għolja ferm aktar mill-bqija tal-popolazzjoni ta’ tfajliet li la qed jaħdmu jew ifittxu xogħol u lanqas mhuma qed jieħdu edukazzjoni jew taħriġ. Xejn anqas minn 13% tat-tfajliet qegħdin f’din is-sitwazzjoni ta’ bla xogħol, edukazzjoni jew taħriġ, rata ferm ogħla minn tal-ġuvintur.
Statistika tal-World Economic Forum ukoll turi li Malta sofriet waqgħa qawwija lura fl-aħħar ħames snin fir-rigward tal-ugwaljanza. Joseph Muscat sab 30% tal-impjiegi pubbliċi kienu okkupati min-nisa iżda l-‘aktar Gvern femminist fl-istorja ta’ Malta’ għażel li dan l-ammont inaqsu għal 15%. Il-World Economic Forum jindika wkoll tnaqqis fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-postijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet u l-politika. Il-Partit Nazzjonalista jappella biex il-Gvern jimplimenta l-wegħda elettorali tal-Oppożizzjoni li l-Parlament jagħti għażla lill-membri parlamentari jkunu fultajm. Din tkun miżura family friendly li tkun tista’ tgħin ukoll għall-parteċipazzjoni aktar b’saħħitha tan-nisa fil-politika.
Filwaqt li jirrikonoxxi li s-soċjetà għamlet avvanzi ‘il quddiem, il-Partit Nazzjonalista jsostni li għad fadal xi jsir sabiex verament ikun hawn ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f’Malta. Il-Partit Nazzjonalista jinsab impenjat li jkompli jaħdem sabiex jissaħħu d-drittijiet tan-nisa. Għaliex irid jara li l-mara tilħaq il-milja tagħha fis-soċjetà tagħna.
//= $special ?>