Żdiedet riżenja oħra mill-Gvern Slovakk bħala konsegwenza tal-qtil tal-ġurnalist investigattiv Slovakk, Ján Kuciak. Dan hu Roman Šipoš, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Robert Fico, li kien ukoll implikat fl-istejjer li kien qed jikteb Kuciak dwar il-korruzzjoni fil-pajjiż, partikolarment ir-rabta bejn il-mafja Taljana mir-reġjun tal-Calabria, dik magħrufa bħala ’Ndrangeta, u uffiċjali għolja fil-Gvern ta’ Fico.
Qabel dik ta’ Šipoš, l-aktar riżenja prominenti kienet tal-Ministru tal-Kultura flimkien ma’ żewġ ajjutanti oħra qrib Fico. Imma l-akbar pressjoni bħa-lissa hi biex jassumi r-responsabbiltà politika tal-qtil u jirriżenja anki l-Ministru tal-Intern, Robert Kalinak. Issa l-Oppożizzjoni Slovakka qed tlesti vot ta’ sfiduċja kontra l-Gvern.
Dan il-vot hemm il-possibbiltà li jintilef mill-Gvern peress li hemm partit ewlieni fil-koalizzjoni tal-Gvern immexxi minn Fico li qed jhedded li jneħħi l-appoġġ għall-Gvern jekk Kalinak ma jitlaqx. Saħansitra l-President tal-pajjiż Andrej Kiska ingħaqad mas-sejħa għar-riżenja kif ukoll bidla kbira fil-Kabinett, speċjalment minħabba dawk implikati fil-kitba ta’ Kuciak.
Kiska qal li Fico jrid jagħmel bidla radikali fil-Gvern biex il-poplu jerġa’ jkollu l-fiduċja fit-tmexxija tal-pajjiż, inkella jsejjaħ elezzjoni bikrija. Imma l-President tal-pajjiż m’għandux dan il-poter u l-uniku mod kif dan jista’ jiġri hu jekk il-Gvern jitlef vot ta’ sfiduċja.
Il-kaolizzjoni ta’ Kuciak bir-ribelljoni li kien hemm minħabba l-qitl ta’ Kuciak issa qed tiddependi fuq 78 Membru Parlamentari mill-150 li hemm fil-Parlament, u hemm possibbiltà kbira li bil-vot ta’ sfiduċja jaqa’ l-Gvern. Kollox jiddependi fuq il-Partit Most-Hid, li hu parti mill-koalizzjoni u li qed iħeġġeġ lil Fico biex ikeċċi lil Kalinak inkella kien jivvota kontra. Xi ħaġa li Fico qal li kien se jindirizza.
//= $special ?>

