Lokali

“Kunu rivoluzzjonarji fl-ideat” – il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia

Meta kien qed jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-APAN, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħeġġeġ lill-attivisti veterani biex ikunu rivoluzzjonari fl-ideat tagħhom.

“Naħseb li jekk l-APAN tagħmel hekk, dan se jħalli impatt. Xi jżomm lill-anzjani milli joħorġu b’ideat dwar il-politika ambjentali jew dwar l-isport?”, staqsa Adrian Delia, “x’differenza tagħmel jekk idea tajba toħroġ minn żagħżugħ ta’ 14-il sena jew anzjan ta’ 84 sena?”

Adrian Delia qal li dan hu l-messaġġ li jibgħat lill-fergħat kollha, taż-żagħżagħ, tal-anzjani, tan-nisa , sabiex joħorġu mill-konfini li fihom kienu jitkellmu u jorganizzaw l-attivitajiet.

“Tkellmu dwar l-isport, agħtu ideat dwar l-isport, agħmlu l-isport!” ħeġġeġ Adrian Delia.

“Il-Partit għandu jkollu l-enerġija taż-żagħżagħ mħallta mal-għerf tal-anzjani. L-għerf li ġemmajtu għandkom tpoġġuh għas-servizz tal-pajjiż”, tenna l-Kap tal-PN.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ċ-ċentru tal-politika tal-PN kienet u tibqa’ il-persuna, u l-persuna mit-tnissil tagħha.