Knisja Lokali

L-Azzjoni Kattolika Maltija f’Ruma għall-proġett OWLS

L-Azzjoni Kattolika Maltija, b’kollaborazzjoni ma’ dik Taljana u Rumena, għadha kif temmet l-ewwel parti tal-proġett OWLS(Opportunities + Willingness + Learning = Success). Dan il-proġett laqqa’ liż-żgħażagħ Maltin ma’ oħrajn minn pajjiżi differenti f’Ruma bis-saħħa tal-Forum Internazzjonali Azzjoni Kattolika u b’fondi mill-Erasmus + biex filwaqt li jaqsmu l-espejrenzi, l-isfidi u s-suċċessi tagħhom, dawn jitgħallmu minn xulxin.

Il-parteċipanti esploraw kif minkejja li huma differenti minn xulxin għaliex ġejjin minn pajjiż differenti u jgħixu f’komunitajiet differenti, għandhom ħafna affarijiet x’jgħaqduhom. Huma lkoll żgħażagħ li huma responsabbli fl-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom u fuq kollox Ewropej. Din l-identità Ewropea tistedinhom biex jinvolvu ruħhom u jtejjbu l-mod ta’ kif iqattgħu l-ħin liberu.

F’ġurnata minnhom, il-parteċipanti żaru l-Monasteru ta’ Vitorchiano u ltaqgħu ma’ Suor Francesca li esprimiet magħhom kif il-ħajja ġewwa l-komunità kunventwali hija estremament miftuħa għad-dinja għaliex minkejja li ma joħorġux, għajr għall-okkażjonijiet straordinarji, huma għandhom għajnejhom fuq dak li jiġri madwar id-dinja. Wara ż-żgħażagħ żaru l-post minn fejn l-Azzjoni Kattolika għamlet l-ewwel passi tagħha fl-Italja, propju f’Viterbo fejn kien jgħix Mario Fani, wieħed mill-fundaturi tal-Azzjoni Kattolika. Permezz tal-għarfien ta’ dak li jsawwarhom, il-parteċipanti tal-OWLS għarrfu li l-impenn tagħhhom bħala żgħażagħ iħalli impatt qawwi ħafna barra l-parroċċi u d-djoċesi.

L-ewwel parti tal-proġett, organizzat bejn il-25 ta’ Frar u l-1 ta’ Marzu 2018, se jwassal liż-żgħażagħ għal 3 laqgħat oħra matul l-2018 u l-2019, b’li jmiss tkun f’Awwissu li ġej.