Futbol Sport

L-ebda gowl f’derby missielet

Ritratt: Gabriel Cassar/Facebook
Qormi jżommu l-ewwel post fl-1 Diviżjoni

L-ebda gowl f’dan id-derby ferm mistenni u li rriżulta f’wieħed mill-iktar missielet, iżda komplessivament derby fqir minn azzjonijiet ta’ skor. Żebbuġ kienu xi ftit aħjar fl-ewwel taqsima, iżda Qormi kienu bla dubju aħjar fit-tieni parti. Żebbuġ lagħbu l-aħħar 13-il minuta bi plejer inqas iżda ironikament kien f’dan il-perjodu li l-iktar li resqu qrib li jsibu x-xibka.

Dan id-derby ġibed folla sabiħa lejn Ta’ Qali biż-żewġ settijiet ta’ partitarji, l-iktar dawk Qriema armati sa snienhom. Minkejja li l-logħba kienet interessanti u missielta u minkejja li l-plejers taw kollox, l-ewwel taqsima iddiżappuntat f’dawk li huma azzjonijiet ċari ta’ skor.

Fil-fatt tista’ tgħid li ż-żewġ goalkeepers ma kellhomx x’jagħmlu għajr biex jinterċettaw xi blalen li biċċiet minnhom kienu perikolużi. Żebbuġ kellhom xi ftit iktar tentattivi u kien hemm xi mumenti ta’ paniku fid-difiża ta’ Qormi iżda Adamec u sħabu ddefendew tajjeb. Qormi kellhom il-mumenti tagħhom ukoll iżda l-istess bħal Żebbuġ ċansijiet ċari ta’ skor ma kienx hemm.

Fit-tieni taqsima żdiedet l-intensita’ tal-logħob l-iktar minn naħa tal-lijders li fallew ċans tajjab mas-siegħa logħob permezz ta’ Yankam wara azzjoni tajba ta’ Caetano da Silva. Fit-73 minuta kien hemm freekick ċentrali ta’ Adamec li kien salvat minn Farrugia.

Żewġ minuti wara xutt ta’ Caetano Da Silva minn distanza notevoli għal ftit ma qarraqx b’Farrugia li dawwar għal korner. Fis-77 minuta Żebbuġ spiċċaw b’għaxar plejer meta Obaje ntwera karta ħamra meta ta daqqa ta’ minkeb lil Vukovic.

B’għaxar plejers kienu Żebbuġ li fallew il-gowl tar-rebħa meta Leighton Grech żmarka lil Mello da Silva li dam jaħsibha u kien imblukkat mid-difensuri ta’ Qormi li verament ħelsuha ħafif, biex fid-89 minuta xutt tal-istess Arilson Mello da Silva kien imxellef minn Adamec bil-ballun jgħaddi kważi jħakkek mal-mimduda.

Pietà jkomplu jirbħu
QRENDI 0 – 3 PIETÀ HOTSPURS

Pietà komplew bl-isfida tagħhom għall-promozzjoni meta b’witja oħra ta’ kwalita’ għelbu faċilment lil Qrendi li qatt ma daħlu fil-logħba. Minkejja li bdew mingħajr Mensah, Pietà ddettaw il-logħob u wara li kisbu gowl kmieni qatt ma ħarsu lura u għalqu l-logħba b’żewġ gowls oħra fit-tieni taqsima.

Pietà ma setax kellhom bidu aħjar għax wara biss 4 minuti huma fetħu l-iskor meta LAWRENCE CHIEDOZIE rċieva pass meta kien f’qagħda ideali u qabeż il-ballun minn fuq il-goalkeeper Azzopardi u minkejja t-tentattiv ta’ difensur ta’ Qrendi li jikklerja l-ballun, dan xorta waħda spiċċa fix-xibka. Seba’ minuti wara Pietà resqu viċin it-tieni goal meta free-kick minn pożizzjoni angolati ta’ Jan Tanti għadda ftit għoli. Tliet minuti wara waslet ir-risposta min-naħa ta’ Qrendi meta xutt minn qagħda tajba ta’ Julio Cesar Martins da Silva għadda ftit barra.

Pietà komplew juru l-aħjar ideat u ftit wara reġa’ kien l-istess Chiedozie li ttanta xortih b’xutt ieħor minn tarf il-kaxxa iżda din id-darba l-ballun għadda ftit għoli.

Żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Pietà rdoppjaw meta JUAN MANUEL ARTIAGA kkonkluda fix-xibka b’xutt minn qagħda tajba wara li kross minn fuq il-lemin ma ġiex ikklerjat mid-difiża ta’ Qrendi.
Fis-68 minuta Pietà skurjaw it-tielet goal meta Jan Busuttil qabeż lil Mark Farrugia mal-linja, avvanza, ikkrossja lejn LAWRENCE CHIEDOZIE u dan wara li dar mal-goalkeeper avversarju kkonkluda f’xibka vojta.

Wara dan il-goal il-logħba naqqset xi ftit mir-ritmu biex sat-tmiem l-iskor baqa’ ma nbidilx.

Pembroke iħassru l-pjani ta’ Melita
MELITA 1 – 1 PEMBROKE

B’gowl lejn it-tmiem Pembroke ħassru xi ftit il-pjani ta’ Melita li kienu resqin lejn rebħa prezzjuża. Melita bdew tajjeb u marru kmieni fil-vantaġġ u fl-aħjar ħin ta’ Pembroke fit-tieni taqsima, fallew xi tentattivi fejn setgħu għalqu l-logħba iżda kienu kastigati minn Pembroke li anki resqu qrib ir-rebħa.
Melita kellhom bidu tajjeb u kellhom xi tentattivi fl-ewwel minti tal-logħba. Pembroke wieġbu b’xutt ta’ Priso li mar ftit għoli. Fl-20 minuta melita fetħu l-iskor meta minn kross ta’ Hammet kien JEAN PIERRE ATTARD li b’daqqa ta’ ras sabiħa sab ix-xibka.

Pembroke wettqu reazzjoni u wieġbu b’xutt ta’ Igor Misan u ieħor ta’ Warren Chircop li t-tnejn fallew il-mira bi ftit.

Pembroke ħarġu tajjeb fit-tieni taqsima u xutt ta’ Borg kien salvat b’diffikulta minn Grima. Fil-50 minuta tentattiv ta’ Chircop mar ftit barra. Fil-65 minuta kien Igor Misan li b’xutt fil-baxx impenja lil Grima.

Fid-69 minuta azzjoni mill-isbaħ ta’ Melita bil-kross ta’ Cornago mix-xellug u x-xutt bid-dawra ta’ Russo li ġiegħel lil Gerada jwettaq save mill-isbaħ. Melita fallew ċans tad-deheb li jagħlqu l-logħba ftit wara iżda Aidan Mizzi xeħet inkredibilment barra bir-ras minn żewġ passi bogħod.

Ta’ dan Melita pattew qares għaliex fit-82 minuta Pembroke kisbu l-gowl tad-draw meta minn azzjoni ta’ korner is-sostitut AMARILDO GILLOGA skorja prattikament bl-ewwel ballun li mess. Fil-minuti li kien fadal iż-żewġ naħat fittxew il-gowl tar-rebħa fejn kienu Pembroke l-iktar li resqu qrib b’xutt ta’ Yanis Tonna jgħaddi jħakkek ma’ sieq il-lasta.