Lokali

RITRATTI: Jaħarqu karozza u jaħarbu bil-vann … li qabad ukoll

Fortunatament, ħadd ma weġġa’ fi ħruq ta’ karozzi li seħħ matul il-lejl li għadda fil-Ħamrun. Jirriżulta li għall-ħabta ta’ 12am, karozza ‘convertible’ ħadet in-nar fi Triq San Vinċenz.

Mhux magħruf x’wassal għal dan il-ħruq, għalkemm sorsi li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li l-Pulizija mhix teskludi li n-nar tqabbad minn persuna jew persuni li kienu abbord vann. Dan hekk kif ftit metri ‘l bogħod, fi Triq Ħal Qormi, instab il-vann li wkoll kien qed jieħu n-nar.

Is-sorsi li tkellmu magħna qalu li l-Pulizija mhix teskludi t-teorija li persuna jew persuni mhux magħrufa niżlu mill-vann fi Triq San Vinċenz, qabbdu l-karozza u ħarbu mill-post bl-istess vann. Madankollu, minħabba li l-vann intmess min-nar, dan baqa’ jaqbad.

Kien għalhekk li l-vann tħalla fi Triq Ħal Qormi, imwaħħal fuq il-bankina sakemm in-nar intefa’ minn membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Sadanittant, minħabba li Triq San Vinċenz ma tinfidx, karozzi oħra pparkjati hemm ma setgħux jinħarġu, b’periklu li anke dawn setgħu jintlaqtu min-nirien u għaldaqstant, ikompli jikber id-diżastru.

Madankollu, il-ħidma tal-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wasslet biex dan ma jseħħx, ħlief għal karozza waħda li kienet ipparkjata fil-‘parking bay’ ta’ quddiem.