F’wieħed mill-aħħar investimenti tagħha, Simonds Farsons Cisk plc ikkommissjonat impjant tal-ogħla livell għall-mili tal-birra u s-soft drinks fit-tankijiet u linja ġdida ta’ 18.9 litri għall-mili tal-ilma. Iż-żewġ impjanti jużaw teknoloġija robotika minflok il-makkinarju li kien ilu jintuża aktar minn 20 sena.
L-impjant il-ġdid għal tankijiet ta’ 30 litru, għandu l-kapaċità li jimla 85 tank fis-siegħa, il-faċilità li jneħħi l-kontenituri mill-pallets, u jinkludi apparat li jaħsel il-kontenituri minn ġewwa u minn barra, pasturizzatur tal-birra bl-aħħar teknoloġija għall-kontroll u r-reġistrazzjoni tad-dettalji, post għall-isterilizzar tal-għenuq tal-kontenituri, il-ġbir tat-tappijiet u l-għeluq tal-fliexken, l-istampar b’ink jet tal-kodiċi tal-konsenja, id-data sa meta l-aħjar jintuża l-prodott u l-faċilità li jiġbor kollox f’pallets.
Fil-linja għall-mili tal-ilma jistgħu jinħattu jew jinġabru 3 fliexken f’daqqa, u jimtlew 18.9 litri jew kontenituri iżgħar b’rata ta’ 300 fis-siegħa. Hemm ukoll magna għat-tneħħija tat-tappijiet, żewġ testers tal-pressa għall-kontenituri difettużi, apparat għall-ħasil tal-kontenituri minn ġewwa u minn barra u sterilizzatur tat-tappijiet. Hemm ukoll impjant ġdid għall-isterilizzar tal-ilma mgħammar bl-aħħar teknoloġija għall-kontroll u r-reġistrazzjoni tad-dettalji tal-kwalità.
F’dawn iż-żewġ impjanti, mgħammrin sewwa bl-aħħar teknoloġija, tneħħa l-irfigħ manwali tal-kontenituri tal-birra ta’ 42kg u tal-kontenituri tal-ilma ta’ 20kg. L-immaniġġjar tal-pallets fiż-żewġ impjanti qed isir ukoll b’mod awtomatiku.
Is-Sur Louis A. Farrugia u s-Sur Norman Aquilina, iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Farsons, żaru ż-żewġ impjanti mad-Diretturi tal-Bord.
Is-Sur Farrugia qal li b’dan l-aħħar investiment, “aħna kunfidenti li l-impjant tal-operat tagħna se jkollu inqas spejjeż għall-operat, se jaħli inqas enerġija u ilma, u bih se titjieb il-kwalità tal-prodott. Barra minn hekk, l-investiment li għamilna fir-robots għall-immaniġġjar tal-kontenituri t-tqal se jnaqqas drastikament ir-riskji ta’ korrimenti u jagħmel ix-xogħol iżjed effiċjenti.”
Żied ukoll li “ż-żewġ impjanti saru f’binja ġdida li kienet maħsuba apposta għalihom u li hi konformi mal-ogħla standards ta’ iġene. Mhux biss, l-istaff tekniku kellu taħriġ estensiv kemm fil-bini tal-fornituri kif ukoll fil-post.”
//= $special ?>