Mara ta’ 33 sena sabet ruħha fl-inkwiet wara li nqabdet tbiegħ fwejjaħ misruqa permezz ta’ profile falz fuq Facebook. Denise Camilleri instabet ħatja li rċeviet ħwejjeġ li taf li kienu misruqa minn ħanut tal-fwieħa fil-Ħamrun wara li l-Pulizija ingħatat informazzjoni anonima.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, semgħet kif fwejjaħ kienu qed jispiċċaw neqsin sakemm xi ħadd ċempel b’mod anonimu lill-istaff tal-ħanut li ġara tagħha kienet qed tisraq il-fwejjaħ u tbiegħhom online fuq il-paġna ta’ Facebook ‘min ipartat u min ibiegħ’ taħt l-isem ta’ Shaz Kez Camilleri.
Tal-ħanut ikkonfermaw li l-fwejjaħ li kienu qed jidhru fil-paġna ta’ Facebook jaqblu mal-prodotti li kienu neqsin u kkuntattjaw lill-Pulizija.
Mill-investigazzjoni tal-Pulizija, jirriżulta li Shaz Kez Camilleri kienet fil-fatt Denise Camilleri. Tfittxija fid-dar wasslet biex jinstabu fwejjaħ li kellhom li prezz ta’ €48.95 u €38.
Il-Qorti semgħet li waqt interrogazzjoni, Camilleri baqgħet tinsisti li ngħatat il-fwejjaħ minn raġel ta’ nisel Afrikan li ltaqgħet miegħu fil-Marsa. Hi qalet l-istess fil-Qorti u qalet li ma tafx x’jismu r-raġel u lanqas għandha n-numru tiegħu għax kien ċemplilha minn numru privat.
Il-Maġistrat Doreen Clarke qalet li r-rakkont tal-mara ma tantx jitwemmen u staqsiet kif il-mara ma’ kellhiex suspett meta kienet offruta fwieħa għall-prezz ta’ €15 meta normalment din l-istess fwieħa tinbiegħ għal €80.
Il-Qorti sabet lil Camilleri ħatja li rċeviet ħwejjeġ misruqa iżda minħabba li l-Prosukuzzjoni ma ġabitx iktar provi dwar affarijiet oħra li allegatament insterqu, il-Qorti setgħet tagħti sentenza biss dwar iż-żewġ fwejjaħ li nstabu fid-dar tagħha.
Hi ngħatat il-liberta’ kondizzjonata għal sentejn u ordnata tirrifondi l-valur tal-fwejjaħ lil sid il-ħanut.
//= $special ?>