L-orgnijiet tal-Katidral Metropolitan tal-Imdina se jsemmgħu leħinhom fil-Ġimgħa Mqaddsa permezz ta’ 2 kunċerti mill-organista emeritu tal-istess Katidral, John Aquilina. Iż-żewġ kunċerti, li jibdew fis-6.30pm, jippreżentaw mużika organistika mill-perjodu bikri tal-barokk fl-Italja, il-perjodu barokk tardiv fil-Ġermanja u xogħol romantiku.
Fil-kunċert tat-Tnejn 26 ta’ Marzu, Aquilina se jdoqq mużika organistika Taljana minn Napli u Ruma, ppubblikata bejn l-1600 u l-1635, fuq l-orgni tal-1774 ta’ Domenico Antonio Rossi. Il-programm jinkludi xogħolijiet tal-kompożituri barokkiċi tal-Iskola Naplitana, fosthom Giovanni De Macque, Ascanio Mayone u Giovanni Maria Trabaci, kif ukoll il-kompożitur ewlieni tal-Iskola Rumana tal-Orgni, Girolamo Frescobaldi.
Imbagħad l-għada t-Tlieta 27 ta’ Marzu, ix-xogħolijiet prinċipali li se jdoqq l-organista huma ta’ Johann Sebastian Bach u Franz Liszt fuq l-orgni diġitali Copeman Hart tal-1989. Dawn ix-xogħolijiet jinkludu l-Passacaglia u Fuga in Do minore, BWV 582, ta’ Bach, il-varjazzjonijiet Weinen, Klagen, Sorgen, Zagen S 673, R 382 ta’ Liszt, li huma bbażati fuq motiv ta’ Bach mill-kantata sinonima u l-Crucifixus mill-Messa in Si minore.
Il-kunċerti fuq l-orgni għall-Aquilina jkomplu nhar l-Erbgħa tat-Tniebri, it-28 ta’ Marzu fis-6.30pm, meta se jimprovizza sett ta’ 12 meditazzjoni spirati mill-vari tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Knisja Parrokjali ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi
//= $special ?>