Internazzjonali

Berlusconi lest jappoġġa lil Salvini bħala PM

Silvio Berlusconi qal li kien lest jappoġġa lil Matteo Salvini, il-kap tal-Lega, fl-isforzi tiegħu biex jifforma Gvern. Huwa qal dan f’intervista li dehret ilbieraħ fil-Corriere della Sera. Il-Lega ħarġet bħala l-akbar partit miċ-ċentru-lemin fl-Italja wara l-elezzjoni ta’ nhar il-Ħadd. Il-Lega kisbet 17 fil-mija tal-voti, filwaqt li Forza Italia ta’ Berlusconi kiseb 14 fil-mija tal-voti. It-tnejn huma parti mill-istess koalizzjoni. Fl-intervista, Berlusconi qal li hu kien se jżomm mal-patti li għamel qabel il-vot u jiggarantixxi s-saħħa tal-koalizzjoni. Il-vot wassal għal riżultat inkonklużiv u ebda partit ma ġab il-maġġoranza. Anki bl-alleanzi li saru mhemmx biżżejjed għal maġġoranza fil-Parlament. Kemm il-Lega kif ukoll il-Moviment 5 Stelle, li spiċċa l-akbar partit fl-Italja, qed isostnu li l-President Taljan irid jaħtar lilhom biex jifforma l-gvern il-ġdid. Salvini peress li kiseb l-akbar ammont ta’ voti mill-koalizzjoni taċ-ċentru-lemin li ġabet l-akbar ammont ta’ voti u Luigi Di Maio, il-kap tal-Moviment 5 Stelle peress li dan hu l-partit li ġab l-akbar ammont ta’ voti. Il-Lega kisbet 17.37 fil-mija tal-voti bħala partit waħdu. Imma l-koalizzjoni li tagħha hu parti u fiha anki Forza Italia, kisbet 37% tal-voti. Il-Movi-ment 5 Stelle, min-naħa l-oħra bħala partit rebaħ 32.68 fil-mija tal-voti. Berlusconi ma jistax ikun Prim Ministru minħabba sentenza tal-qorti kontrih li tipprojbixxih milli jokkupa kariga pubblika.