Iċ-champions Taljani Juventus wettqu rimonta mill-aqwa l-bieraħ f’Wembley Staium meta b’żewġ gowls fi spazju ta’ tliet minuti dawwru eliminazzjoni fi kwalifikazzjoni biex il-finalisti tas-sena l-oħra għaddew għall-kwarti tal-finali.
Bir-riżultat ta’ 2-2 tal-ewwel leg f’Turin, il-logħba kienet waħda diffiċli għal Juventus, iktar u iktar għal mod li bih lagħbu Tottenham fl-ewwel siegħa tal-logħba fejn dehru deċiżament aħjar mill-Bianconeri u wara li anki ħadu l-vantaġġ deher verament kollox diffiċli għal Juventus.
Iżda l-kowċ Max Allegri wettaq sostituzzjoni doppja mas-siegħa biex prattikament it-tim inbidel u ftit wara waslu ż-żewġ gowls li dawwru għal kollox din il-logħba.
Fil-bidu kienu bla dubju Tottenham l-aħjar u l-vantaġġ miksub minn Heung-Min Son sitt minuti qabel l-intervall kien vantaġġ mill-iktar meritat.
Fit-tieni taqsima l-andament deher li se jibqa’ favur il-klabb minn Londra, iżda fis-60 minuta Allegri daħħal lil Asamoah minflok Matuidi u lil Liechsteiner minflok Benatia.
Dawn il-bidliet ittrasformaw lil Juventus li fl-64 minuta kisbu l-gowl tad-draw meta Gonzalo Higuain skorja mill-viċin u tliet minuti seħħ dak li sa ftit qabel deher impossibli meta l-istess Higuain ġibed fuqu diversi difensuri ta’ Tottenham qabel qassam lejn Paolo Dybala li ma żbaljax biex b’hekk skorja wkoll l-ewwel gowl tiegħu fl-edizzjoni taċ-Champions League ta’ din is-sena.
Kif kien mistenni Tottenham xeħtu kollox fl-attakk fil-ħin li kien baqa’, iżda Spurs issa kienu tilfu l-brillantezza tal-ewwel fażi.
Pochetino daħħal lil Lamela u f’disperazzjoni fl-aħħar minuti anki lill-attakkant Llorente, iżda kien kollu ta’ xejn għal Spurs li resqu qrib biss fil-ħin miżjud meta Harry Kane, f’pożizzjoni dubjuża ta’ offside laqat il-lasta b’daqqa ta’ ras u qabel il-ballun qabeż il-linja kien Barzagli li biegħed il-periklu.
B’hekk se jkunu Juventus fl-urna tal-polza tal-kwartifinali li se ssir fis-16 ta’ Marzu, flimkien mal-polza tal-Europa League.
Minbarra Juventus s’issa għaddew mal-aħħar tmienja, Real Madrid, Liverpool, u Manchester City.
Tottenham Hotspur sar l-ewwel tim Ingliż liminat minn din il-kompetizzjoni.
Intant fil-logħba l-oħra l-bieraħ sorpriża għal Manchester City li tilfu f’darhom kontra Basel 2-1. iżda għaddew b’aggregate ta’ 5-2 wara s-suċċess faċli tal-ewwel leg
//= $special ?>