Il-Pulizija f’Ragusa arrestaw żewġ persuni u ssekwestraw 330kg droga marijuana b’valur ta’ madwar €3,3 miljun li aktarx kienet ġejja lejn Malta.
Massimo Battaglia ta’ 39 sena u Carmelo Incardona ta’ 52 sena, it-tnejn bi preċedenti penali, twaqqfu lbieraħ fi Statale 514, fid-daħla ta’ Ragusa, waqt li kienu abbord trailer tal-ħaxix mgħobbi bid-droga.
Id-droga nstabet mill-Pulizija wara li tqanqal suspett hekk kif iż-żewġ Taljani kellhom numru ta’ irregolaritajiet b’rabta mal-merkanzija. Filfatt is-sewwieq ma kienx kapaċi jipproduċi l-ebda dokument b’rabta mal-merkanzija li kellu waqt li t-tnejn li huma bdew jaġixxu b’mod suspettuż u b’numru ta’ kontradizzjonijiet fir-rakkonti tagħhom.
Waqt li kienu qed ifittxu fost il-merkanzija, il-Pulizija sabu numru ta’ kaxex tal-plastik vojta, innutaw bħal ragħwa suspettuża li wasslet għal iktar investigazzjonijiet. Dan wassal biex instab li l-akkużati kienu ħolqu qiegħ falz biex ħbew għexieren ta’ pakketti mimlija bil-marijuana u ppakkjat tant li ma kienx fadal spazju.
Iż-żewġ akkużati mhux jikkoperaw mal-Pulizija, li għandhom suspetti kbar li d-droga kienet intenzjonata li titwassal Malta. Sadattant fi tfittxija li saret wara, fir-residenza ta’ Battaglia nstab ukoll senter misruq xi xhur ilu u lest biex jintuża, kif ukoll munizzjon ta’ kalibri differenti.