Lokali

FILMAT: “Għandu jkun hemm rikonixximent xieraq lejn il-mara kuljum” – Adrian Delia

B’lok apert għad-diskussjoni u kontinwament bl-involviment ta’ dawk preżenti, il-PN, permezz tal-MNPN tella’ attività f’Jum il-Mara biex jiddiskuti t-tema tan-nisa fis-soċjetà Maltija.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li hemm bżonn li nneħħu t-taboos kontra n-nisa fi kemm fuq ix-xogħol, kemm fid-dar u fi kwalunkwe aspett tal-ħajja tagħhom Hu qal li d-disugwaljanza fis-soċjetà trid tiġi eliminita u flok dan ikun hemm aktar rikonoxximent lejn il-mara, lejn l-omm. Adrian Delia saħaq li l-valur tal-mara huwa imprezzabli. Huwa qal li l-obbligu tal-PN mhux biss huwa li jkun il-vuċi tan-nisa iżda wkoll li jinvolvi aktar nisa fil-politika tiegħu.

Fost il-kelliema preżenti Claudette Buttigieg, il-kelliema tal-PN għad-Dritijiet Indaqs qalet li hemm bżonn li jkun hemm aktar għarfien fuq l-ugwaljanza. Hija ħarset lejn statistika Ewropea fejn f’ċirkustanżi, raġel f’impjieg jaqla’ 1EUR u mara taqla biss 84ċ. Hija saħqet li din id-disugwaljanza trid titneħħa għal kollox.

Kristy Debono min-naħa tagħha qalet li l-mara llum il-ġurnata għadha ssib bosta sfidi f’kull settur. Il-kelliema tal-PN għall-Ekonomija u l-Inovazzjoni saħqet li għalkemm hawn bidu ta’ bidla kulturali għad hemm ħafna xi jsir. Hija qalet li preżentament fiċ-ċivil hemm 15% nisa li jaħdmu f’dan is-settur, fejn qabel dan kien 30%.

Min-naħa tagħha Roslyn Borg Knight, is-Segretarju Internazzjonali tal-Ezekuttiv tal-Partit qalet li l-ħidma għandha tkun li jkun hemm oppurtanijiet indaqs. Għandu jkun bilanċ iżda drittijiet għal kulħadd indaqs. Hija qalet li hemm bżonn li jiġu introdotti aktar inċentivi li jħaddnu tassew l-ugwaljanza.

Nicky Vella de Framaux qalet li fis-soċjetà hemm diskrepanza kbira, u dan mhux biss f’pajjiżna iżda anke f’pajjiżni lil hinn. Hija qalet li għalkemm saru avvanzi fuq dan, hija trid li tinbidel ir-realtà u jiġu affaċjati tassew il-problemi li l-mara ssib quddiem wiċċha llum il-ġurnata.

Tul l-attività kienu l-bosta nisa li permezz t’interventi qalu l-ħsieb tagħhom fuq dan is-suġġett li xieraq jingħata aktar attenzjoni mhux biss f’Jum il-Mara iżda tul il-ħidma tas-sena kollha.