Lokali

FILMAT: Il-Gvern qed jikser il-liġi meta jaħbi l-listi ta’ min għandu dritt għall-vot – PN

Il-PN irid jassigura elezzjonijiet trasparenti fejn jivvutaw biss dawk li għandhom id-dritt għall-vot

Il-Kummisjoni Elettorali ilha għal dawn l-aħħar 18-il xahar ma’ tgħaddi l-listi kompleti ta’ persuni li jista’ jkollhom dritt għall-vot, għaliex l-entità tal-Gvern Identity Malta qegħda bi ksur tal-liġi taħbi ċertu ismijiet mill-istess Kummisjoni u mill-Partit Nazzjonalista. Dan in-nuqqas serju mill-Gvern huwa abbuż sfaċċat tal-liġi, jagħti lok għal abbużi fil-proċess elettorali u periklu għad-demokrazija. Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal dan wara li ppreżenta protest ġudizzjarju fil-Qorti biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata.

Clyde Puli qal li l-aġenzija tal-Gvern Identity Malta obbligata bil-liġi li tippreżenta l-listi taċ-ċittadini ġodda kollha li jista’ jkollhom dritt għall-vot lill-Kummissjoni Elettorali kull xahar. Il-Kummissjoni Elettorali hija imbagħad obbligata li tgħaddi l-istess informazzjoni lill-partiti politiċi.

Il-Kummissjoni Elettorali ammettiet li l-listi li qed tirċievi minn Identity Malta mhumiex kompluti u jaħbu l-identità ta’ min ikun sar ċittadin Malti x-xahar ta’ qabel, u sal-lum naqset milli effettivament tassigura li dan il-ksur tal-liġi jieqaf.

Is-Segretarju Parlamentari f’Kastilja Julia Farrugia Portelli responsabbli mill-aġenzija Identity Malta ġiet infurmata bl-iswed fuq l-abjad mill-Kummissjoni Elettorali nnfisha bil-ksur kontinwu tal-liġi minn Identity Malta iżda naqset milli tordna lill-aġenzija Governattiva tirregola ruħha u qed tagħżel li tħalli dan l-abbuż għaddej. Il-Gvern huwa għalhekk mhux biss kompliċi iżda l-ħati prinċipali ta’ dan l-abbuż fuq il-proċess elettorali.

In-nuqqas ta’ trasparenza sa’ mill-ewwel stadju tal-proċess elettorali, dik tal-elġibiltà tal-votant, ma jawgurax tajjeb biex ikun hemm serħan il-moħħ li l-proċess elettorali jagħti riżultat li jirrifletti x-xewqa tal-elettorat. Għaldaqstant fin-nuqqas ta’ azzjoni konkreta li twassal għal trasparenza assoluta fil-proċess elettorali min-naħa ta’ Identity Malta u l-Kummissjoni Elettorali, il-Partit Nazzjonalista ma jibqalu l-ebda triq oħra għajr li fil-ġimgħat li ġejjin jiftaħ kawża fil-konfront taż-żewġ entitajiet.